Futbol Sport

“Għandna nieħdu l-eżempju ċar tal-Olanda, inwaqqfu l-kampjonat kif inhu u ma jiġix assenjat” – Andrei Agius

Il-plejer internazzjonali Malti Andrei Agius qed jara li ż-żmien biex ikompli l-Kampjonat Premier qed ikompli jonqos u għalhekk hu tal-opinjoni li kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, jittieħed l-eżempju tal-Olanda u l-kampjonat jitwaqqaf mingħajr rebbieħ. Agius qal dan waqt il-programm #stayhomereplay li xxandar fuq il-paġna ta’ Replay fuq facebook. F’din l-intervista, hu tkellem dwar diversi temi fosthom it-tkomplija tal-kampjonat, il-metodu użat jekk mhux se jitkompla kif ukoll is-sitwazzjoni tal-plejers ta’ Hibernians dwar is-salarji.

Dwar it-tkomplija tal-istaġun, Agius qal li jekk jitkompla, “qisek ħa tibda l-istaġun u jkollok logħba kull tlett ijiem. Hi xi ħaġa anomala u diffiċli. Ir-ritmu tal-logħba mhux ħa jkun daqshekk elevat. Il-kampjonat nistgħu nagħlquh bejn erba’ u ħames ġimgħat, flimkien ma’ tliet ġimgħat oħra taħriġ, jiġifieri ż-żmien tagħna qed ikompli jonqos.” Dan fid-dawl tal-fatt li sal-20 ta’ Lulju, l-MFA trid tibgħat lill-UEFA bil-lista tat-timijiet Maltin li se jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tagħha.

Il-plejer ta’ Hibernians qal li għandha tittieħed deċiżjoni fl-interess tal-futbol Malti għall-futur anki jekk iweġġgħu xi nies jew klabbs, għaliex jekk il-kampjonat jitwal, jista’ jkun hemm effetti fuq il-klabbs fil-preżent u fil-futur. Jekk id-difensur Malti jaqbel li l-kampjonat jitwaqqaf u ma jkunx hemm rebbieħ, bl-ewwel erba’ bħalissa jilagħbu fl-Ewropa, poġġa għad-diskussjoni x’se jiġri dwar relegazzjoni minħabba li f’pajjiżna, Tarxien Rainbows huma matematikament relegati. B’hekk qal li kull nazzjon irid jiddeċiedi skont il-ħtieġa.

Il-plejer ta’ 33 sena ddiskuta ma’ Christian Micallef dwar il-bżonn li l-Kampjonat Premier ikun kampjonat professjonali bi kriterji speċifiċi li kull klabb irid jimxi magħhom. Fosthom semma l-klabbs Għawdxin biex jingħaqdu mal-Maltin u jekk hemm xi klabbs ekonomikament b’saħħithom, ikunu jistgħu jagħmlu progress.Fuq kollox, Agius kien mistoqsi dwar jekk bħala plejers laħqux ftehim mal-klabb tagħhom Hibernians dwar is-salarji. “Speċjalment aħna l-Maltin, għadna qegħdin nistennew, għad hemm xi pagamenti pendenti li għadhom iridu jtuna, imma naħseb għandna nitkellmu bejn din il-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla fuq x’ħa tkun it-triq ‘l quddiem.

Id-difensur ta’ Hibernians qal li kull President hawn Malti jrid jifhem ir-realtà ta’ Malta x’inhi. “Jekk inti plejer tiġi titolbu li jien naqtagħlek 50% mill-paga tiegħek jew addirittura jiena nġibek bil-‘minimum wage’ li qed jagħti l-Gvern li huma t-€800 jew inkella l-€1,200 li ftehmu l-klabbs, qed tikkomprometti l-ħajja ta’ dak il-plejer u l-familja tiegħu.” Andrei Agius jaqbel li kulħadd irid jerfa’ biċċa f’din is-sitwazzjoni bla preċedenti iżda żied li hemm mod u mod kif wieħed jerfa’ l-biċċa tiegħu.