Kummerċ Lokali

Ħatriet maniġerjali ġodda f’HSBC Malta

Mix-xellug għall-lemin: Crawford Prentice, Elizabeth Hardy u Jesmond Apap

HSBC Malta qed jaħtar tliet membri ġodda fil-Kumitat Eżekuttiv.  Jesmond Apap se jkun is-suċċessur ta’ Irina Seylanyan bħala Kap tas-Swieq Globali (Head of Global Markets), Elizabeth Hardy se tinħatar bħala Kap Uffiċjal Operattiv (Chief Operating Officer), fejn se tieħu post Nikolaos Fertakis, u Crawford Prentice se jkun is-suċċessur ta’ Daniel Robinson bħala Kap tal-Wealth and Personal Banking, taqsima li qabel kienet magħrufa bħala Retail Banking and Wealth Management.  Seylanyan, Fertakis u Robinson ħadu rwoli maniġerjali għoljin fi ħdan il-Grupp HSBC.

Jesmond Apap ilu mal-HSBC Malta għal dawn l-aħħar 31 sena u okkupa diversi rwoli ewlenin li rawh iwettaq b’suċċess bidla u prestazzjoni fi ħdan il-Bank.  Fl-2009 ingħaqad mat-tim tal-Balance Sheet Management, bir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-flus kontanti, għall-likwidità, għall-finanzjamenti u għar-riskju tar-rata tal-imgħax strutturali, b’konformità man-normi tal-Grupp u dawk Regolatorji.

Elizabeth Hardy bħalissa hi l-Kap Uffiċjal Operattiv tal-fergħa ta’ Milan ta’ HSBC France. Qabel kienet Uffiċjal Kap Operattiv għall-Grupp HSBC fir-Russja u aktar qabel dik fil-Każakistan.  Liz ilha  37 sena mal-Grupp HSBC.  Aktar kmieni fil-karriera tagħha, Liz ħadmet fil-Verifika Interna (Internal Audit) u Riżorsi Umani.

Crawford Prentice ilu għal dawn l-aħħar 26 sena mal-Grupp HSBC u kellu ukoll għadd ta’ pożizzjonijiet għoljin madwar il-Grupp, inkluż Deputat Kap Eżekuttiv u Kap tal-Customer Value Management għall-Bank M&S, kif ukoll Kap tal-Irkupru tas-Servizz (Head of Service Recovery), Kap tal-People Experience u Kap tad-Distribuzzjoni Regolata (Head of Regulated Distribution) għall-HSBC Retail Banking and Wealth Management fir-Renju Unit.  Crawford bħalissa hu Kap Uffiċjal Operattiv għall-Wealth and Personal Banking fiċ-Channel Islands u Isle of Man.