Lokali Parlament

Ħlasijiet suspettużi ta’ mijiet ta’ eluf mill-MTA lill-Vista Jet

Ritratt: Times of Malta

Kuntratt ta’ €4.5 miljun jitħallsu bil-quddiem għal servizzi li m’hemmx provi li fil-fatt ingħataw mill-Vista Jet

Minn xhieda mgħotija fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li qed jinvestiga l-kontijiet finanzjarji tal-Awtorità tat-Turiżmu jirriżultaw numru kbir ta’ ħlasijiet suspettużi ta’ mijiet ta’ eluf ta’ euros lill-kumpanija Vista Jet.

F’April 2017 mill-Ajruport Internzzjonali ta’ Malta kienet telqet titjira misterjuża minn ajruplan tal-Vista Jet lejn Baku fl-Ażerbajġan. Dwar din it-titjira kien hemm rapporti li kienet marbuta mal-Pilatus Bank għaliex saret propju wara li ċ-Chaiman tal-Bank Ali Sadr inqabad ħiereġ b’bagalja mill-istess kwartieri tal-Bank f’Ta’ Xbiex. Fuq it-titjira lejn Baku ma kienx hemm passiġġieri iżda cargo.

Il-Kontrollur Finanzjaru tal-MTA Brian Azzopardi kellu jippreżenta informazzjoni dwar il-kuntratt ta’ €4.5 miljuni li kien sar bejn il-MTA u l-Vista Jet Ltd; liema kuntratt kien iffirmat miċ-Chairman Gavin Gulia għall-2016 u l-2018.

Hu qal li l-informazzjoni mitluba xahar u nofs ilu u sal-ġimgħa li għaddiet stess iżda ma waslitx għandu u kien għadda biss l-invoices. Azzopardi kkonferma li kien staqsa lil Gavin Gulia u lill-uffiċjal tal-MTA Leslie Vella għall-informazzjoni iżda din ma waslitx.

Ix-xhud qal li jimmaġina li din l-informazzjoni mitluba tinżamm l-uffiċċju u rega’ sostna li ma kinitx responsabbiltà tiegħu li jamministra l-kuntratt minkejja li hu jamministra l-finanzi tal-MTA. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lix-xhud jekk jistax jikkomunika mas-superjuri tiegħu biex jagħtu l-informazzjoni rikjesta mill-kumitat.

Il-Kontrollur Finanzjarju qal li kien tkellem mas-superjuri tiegħu sa filgħodu stess iżda huma qalulu li kienu għadhom qed jaħdmu fuqha.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li s-sitwazzjoni li ma tingħatax l-informazzjoni tad-dokumentazzjoni li hemm mal-invoice mhix aċċettabbli.

Ix-xhud qal li ma kienx hemm dokumentazzjoni mal-invoices ta’ €1.5 miljun u kkonferma li l-firma fuq l-invoices fl-2017 kienet ta’ Paul Bugeja kien is-CEO dak iż-żmien. Il-€1.5 miljun kienu jitħallsu bil-quddiem lill-Vista Jet għal servizzi li kienu għadhom ma ngħatawx.

F’dan il-mument issemma’ n-National Aero Space Centre, li kien taħt il-Ministeru tat-Turiżmu u li kien awtorizza l-ħlasijiet ta’ €200,000 lill-Vista Jet. Il-pagamenti kienu awtorizzati wkoll minn Josephine Farrugia; persuna li ma taħdimx fl-MTA fuq letter head tal-MTA u li kienet tikkordina l-pagamenti. Hu kien jaf b’din il-persuna b’mod verbali minn Paul Bugeja.

Jirriżulta li l-Vista Jet għamlet konferenza tal-aħbarijiet li tħallset mill-MTA għall-prezz ta’ €50,000. Ix-xhud qal li m’għandux informazzjoni u dokumentazzjoni dwar din il-konferenza tal-aħbarijiet.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said enfażizza r-rwol tal-Kontrollur Finanzarju quddiem din is-sitwazzjoni fejn Gvern iħallas għall-konferenzi tal-aħbarijiet.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li din is-sitwazzjoni ma kellha ssir qatt u żied li tħallset €100,000 biex tpoġġiet Malta fuq il-hub reġjun. Jirriżulta li tħallsu wkoll €17,5000 għal 70 il-ipad view. F’April kien hemm 140 ipad view li għalihom tħallsu €35,000.

Il-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA ma kienx jaf iwieġeb dwar din is-sitwazzjoni. L-ipad views kienu fuq il-jets lussużi biex waqt li l-passiġġieri jaraw il-films ikunu jistgħu jaraw ir-riklami.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said sostna li minn dan l-ammont ta’ views jidher li l-invoice għal dawn il-views hi fabbrikata. Hu qal li flok il-kuntratt kellu ammont fis-sena għal riklami fuq l-ipads, kien hemm ħlas għal kull persuna li tara l-view fl-ammont ta’ €250. Dan kien konfermat mill-Kontrollur Finanzjarju li żied li ma kienx hu li approva l-kuntratt u kkonferma li Josephine Farrugia ffirmat żewġ invoices relatati mal-Vista Jet.

Jirriżulta li ma ingħataw l-ebda dokumenti marbuta ma’ dawn l-invoices minkejja li dawn kellhom jingħataw mal-invoices.

Fis-27 ta’ Ġunju ħarġet invoice ta’ €150,000 fejn ukoll Josephine Farrugia tat l-ordni biex isir il-ħlas. L-ipad views issa telgħu għal 200 u tħallsu €50,000. Tħallsu wkoll €50,000 għal intervista fuq l-CNBC. Il-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA ma kien jaf jekk l-intervista saritx u jekk issemmietx Malta. Tħallsu wkoll €50,000 għal artiklu wieħed f’ħames pubblikazzjonijiet.

Il-Kontrollur Finanzjarju qatt ma ra l-artiklu, ma jafx jekk Malta ssemmietx u jekk sarux. Tħallsu €25,000 għal artiklu ieħor dwar għaliex il-jets privati għandhom jitilqu mill-Hollywodd image. Jirriżulta li ma kien hemm l-ebda dokumenti dwar dan.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li hu konvint li l-Kontrollur Finanzjarju mhux il-moħħ wara din it-tgħaffiġa kollha.

Il-Kontrollur Finanzjarju qal li setgħet għorkitu għajnuna dwar dawn il-ħlasijiet u kien ġibed l-attenzjoni mas-superjuri tiegħu dar il-kuntratt ta’ €1.5 miljun li jitħallsu minn qabel. Dan għamiltu meta kien tard wisq għax il-kuntratt kien lest, sostna l-Kontrollur Finanzjarju, li qal li hu rrilevanti jekk jaqbilx u x’jaħseb hu fil-kuxjenza tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lill-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA jekk għandu informazzjoni oħra dwar dawn il-ħlasijiet suspettużi li saru f’dan il-kuntratt.

Invoice oħra tal-5 ta’ Lulju 2016 ta’ €106,000 li m’għandhiex payment authorisation form. Il-Kontrollur Finanzjarju xehed li kien jingħata struzzjonijiet verbali.

Beppe Fenech Adami qal li hemm €56,250 użu ta’ ipad iżda issa m’hemmx kemm hemm views. Tħallsu wkoll €25,000 għal aħbarijiet li ħarġu wara Brexit; tliet snin qabel fil-fatt saru Brexit. Hemm ukoll ħlas ta’ €25,000 oħra għal 50 Sky shades interviews. Il-Kontrollur Finanzjarju ma kienx jaf x’inhuma dawn iżda ammetta li kien żbalja.

F’Diċembru kien hemm invoice ta’ €1.4 miljun mingħajr firma ta’ awtorizzazzjoni u ttieħdet verbali mingħand is-CEO Paul Bugeja. Brian Azzopardi kompla li dawn il-€1.4 miljun kienu l-ammont li kien baqa’ pendenti u sostna li hu m’għandu xejn x’juri u ma ra xejn dwar x’ħa l-poplu Malti jew l-MTA ta’ dawn il-flus li tħallsu. Hu qal li qatt ma ra ebda materjal ta’ promozzjoni mill-Vista Jet.

Fl-1 ta’ Marzu 2017 tħallsu €1.5 miljun bla ma saru verifiċi, ikkonferma Brian Azzopardi, li qal li fl-firma fuq l-authorisation form hi ta’ Paul Bugeja. Brian Azzopardi qal li hu qatt ma ra l-pjan ta’ riklamar li suppost kellu jkun hemm iżda l-ħlasijiet xorta saru.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li din hi tgħaffiġha sħiħa li d-deputat Laburista Glenn Bedingfield qed jipprova jgħatti.

Wara li rriżenja Paul Bugeja bħala CEO fl-2018, Gavin Gulia kien ħa r-rwol ta’ CEO.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Kumitat ta ordni lix-xhud u wissieh biex iwassal lis-superjuri tiegħu biex jgħaddu l-informazzjoni mitluba sal-aħħar tal-ġimgħa. F’każ li hu ma jkollux din l-informazzjoni hu għandu jinforma lill-Kumitat.