Coronavirus Lokali

Il-Gvern ma jafx kemm tkeċċew ħaddiema mis-settur tas-servizzi finanzjarji

Il-Gvern m’għandux idea kemm bi preċiż ġew affettwati ħaddiema li tkeċċew mis-settur tas-servizzi finanzjarji kagun tal-kriżi preżenti.

Dan wara li s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali, Clayton Bartolo naqas milli jwieġeb domanda diretta minn NET NEWS waqt konferenza tal-aħbarijiet, u minflok qal biss li numru preċiż m’għandhomx.

Clayton Bartolo sostna li s-settur tal-gaming għadu wieħed b’saħħtu minkejja l-kriżi pandemika li laqtgħet lil pajjiżna. Il-verita’ hi, li fl-aħħar ġimgħat ħareġ fid-deher kif numru ta’ impjegati, proprju minn dan is-settur,qed iħabbtu wiċċhom ma’ sensji.

Fost l-oħrajn, il-kumpanija tal-gaming Kindred Group, li għandha liċenzja biex topera f’Malta, se twaqqaf l-impjieg ta’ 75 mill-haddiema tagħha – tkeccijiet li affetwaw anke numru ta’ ħaddiema Maltin.

Waqt li kien qed jindirizza lill-media, id-deputat Clayton Bartolo spjega illi filwaqt li aktar minn 50% tal-Maltin qed jagħmlu użu mix-xiri onlajn, huma 17% biss tan-negozji lokali li huma preżenti fuq pjattaformi digitali.

U f’Konferenza tal-Aħbarijiet separata, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon ammetta li f’pajjiżna hawn nies li s’issa għadhom ma ntlaqtux mill-għajnuna finanzjarja tal-Gvern.

Dan kollu jfisser li s’issa ma ngħata l-ebda serħan il-moħħ għal diversi familji Maltin u Għawdxin fosthom; ħaddiema li jinsabu f’riskju li jitilfu xogħolhom, pensjonanti li wara li ġew sforzati joħorġu jaħdmu għax ma bdewx ilaħqu mal-ħajja jaf jitilfu ħobżhom, u studenti li ma ngħatawx l-għajnuna finanzarja, sempliciment għaliex idaħlu xi ħaġa żejda mill-istipendju.