Coronavirus Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN ikompli jappoġġja l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu b’risq l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali, b’budgets li jixirqilhom u biex ikunu jistgħu jinvestu fejn jidhrilhom li jkun l-aħjar għall-komunitajiet tagħhom.

Aktar minhekk, hu importanti li l-Kunsilli Lokali Għawdxin ikollhom attenzjoni partikolari minħabba ċ-ċokon tal-gżira u l-isfidi li dan il-fatt iġib miegħu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa virtwali mas-Sindki u l-Minority Leaders Għawdxin.

Hu kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Karl Gouder u mill-Kordinatur tal-Partit għall-Kunsilli Lokali Charles Bonello.

Min-naħa tagħhom, is-Sindki u l-Minority Leaders innutaw il-ħtieġa ta’ fondi aktar adegwati biex il-Kunsilli Lokali jkunu mgħejjuna aktar, fost l-oħrajn għal aktar servizzi online.

B’hekk, spjegaw, ikunu jistgħu jsaħħu r-rwol tagħhom b’risq ir-residenti fil-komunitajiet rispettivi, ladarba pajjiżna joħroġ mill-imxija tal-Coronavirus.

Matul il-laqgħa – anke ma’ dan is-settur tas-soċjetà – kien innutat in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern biex jifhem l-isfidi li l-Kunsilli qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Dan hekk kif hemm nuqqas qawwi ta’ konsultazzjoni magħhom, minkejja li dawn qed jirrappreżentaw direttament liċ-ċittadini kollha fuq il-gżira.

Għaldaqstant, hu importanti li l-Gvern ma jibqax jiddeċiedi waħdu mingħajr ma almenu jinfurmahom u jikkonsulta magħhom.