Internazzjonali

Il-UE tiftaħ każ ġdid kontra l-Polonja fil-kwistjoni tal-ġudikatura

People with a Polish (L) and a European Union (R) flag watch the open air international concert "Welcome to Europe" at Zamkowy Square in Warsaw, Friday 30 April 2004. Ten countries, including eight ex-communist nations of central and eastern Europe, joined the European Union on Saturday in the blocÑs most ambitious expansion since its founding in 1957. Foto: Piotr Rybarczyk dpa

L-Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea fetaħ każ legali ġdid kontra l-Gvern tal-Polonja b’konnessjoni mal-allegat ‘indħil’ fir-responsabbiltajiet tal-membri tal-ġudikatura f’dan il-pajjiż.

Il-Polonja — l-akbar eks Stat komunista msieħeb fl-Unjoni — ilha f’diżgwid mal-Unjoni li akkuża lill-Partit PiS ( għal-Liġi u Ġustizzja) fil-Gvern b’li qed itellef id-demokrazija bil-kontroll eżaġerat fuq il-qrati, il-media u s-soċjetà ċivili fil-pajjiż. Intant, il-PiS qed jiċħad għal dawn l-akkużi.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qalet li qed tagħti sa xahrejn żmien lill-Polonja biex tindirizza t-tħassib dwar liġi kontroversjali li l-Gvern ta’ Varsavja kien introduċa aktar kmieni fis-sena. Il-liġi tippermetti l-impożizzjoni ta’ pieni għall-imħallfin li jikkritikaw ir-riformi tal-Gvern għas-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżhom.

Vera Jourova, membru tal-Kummissjoni eżekuttiva li hi responsabbli mill-ħarsien tal-valuri demokratiċi tal-UE, wissiet dwar is-sogru ċar li l-kriterji ‘biex jiddixxiplinaw’ lill-maġistrati Pollakki kapaċi jintużaw ‘għall-kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji’.

Jourova tinsisti li l-issue tikkonċerna lill-Ewropa għaliex il-qrati Pollakki japplikaw il-liġi Ewropea u meta l-imħallfin ta’ pajjiżi oħra jrid ikollhom fiduċja li l-kollegi fil-Polonja qegħdin jaġixxu b’mod indipendenti mill-Gvern.

F’sitwazzjoni fejn il-Polonja tibqa’ twebbes rasha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiftaħ rikors kontra dan il-pajjiż fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ewropa.

Il-każ jinkwadra fost id-diversi battibekki bejn l-UE u l-Polonja rigward ir-rispett għad-dritt tal-liġi.