Lokali

KONFERMATA L-AĦBAR TA’ NET NEWS: Cardona jippreżenta l-ittra tar-riżenja mill-Parlament

Konferma anke mill-PL

Konfermata l-aħbar żvelata minn NET News fi Frar għadda … li d-Deputat Laburista Chris Cardona se jirriżenja minn Membru Parlamentari.

NET News jinsab infurmat li fis-sigħat li ġejjin, mistennija titħabbar ir-riżenja ta’ Cardona mill-Parlament, bl-ittra miktuba u lesta, tant li diġà ġiet ippreżentata lit-tmexxija u lill-Kabinett ta’ Robert Abela.

Cardona se jibqa’ jżomm il-kariga ta’ Deputat Mexxej, tant li f’kummenti lit-Times, hu insista li se jibqa’ fil-Partit Laburista, f’dak li deher bhala kliem ta’ sfida indirizzat lejn il-Mexxej Laburista.

Kemm ilu Deputat Mexxej, Chris Cardona saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fost il-partitarji u l-attivisti Laburisti. U dan il-fatt ma tantx jidher li niżel tajjeb ma’ Robert Abela, li min-naħa tiegħu, eskludieh għalkollox mill-Kabinett tal-Ministri.

Issa li Chris Cardona se jwarrab mill-Parlament, il-kanvassers tiegħu fuq it-tmien distrett issa qed jappoġġjaw fil-miftuħ lid-Deputat Mellieħi Clayton Bartolo, li s’issa qatt ma kien Kandidat fuq dan id-distrett.

Hu fatt li din ir-riżenja ilha ppjanata għal xhur sħaħ, tant li kien NET News li żvelaha fi Frar li għadda. Dak iż-żmien, Robert Abela kien għażel li jsikket lil Cardona, tant li fl-ewwel Konferenza Ġenerali li indirizza – fis-16 ta’ Frar – ma ħalliehx jitkellem, filwaqt li Chris Fearne kien tħalla jagħmel id-diskors tiegħu.

Dan kollu kien wassal għall-kritika ta’ dawk qrib Chris Cardona, li ma setgħux jifhmu kif Deputat Mexxej jitħalla jitkellem u ieħor le. U min-naħa tiegħu, Cardona kien sfida lit-tmexxija ta’ Abela u xorta attenda għall-Konferenza Ġenerali.

L-aħbar tar-riżenja minn Membru Parlamentari kienet ikkonfermata mill-Partit Laburista stess, li kkonferma wkoll kif dan se jibqa’ jżomm il-kariga tiegħu fit-tmexxija tal-Partit.

Ir-riżenja ta’ Chris Cardona minn Membru Parlamentari biss tfisser li Robert Abela se jibqa’ b’idejh marbuta b’Cardona fit-tmexxija. Dan hekk kif l-Istatut tal-Partit Laburista jagħtih id-dritt jibqa’ fil-kariga sakemm din tiskadi wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

B’hekk, hu evidenti l-għan ta’ Chris Cardona li jibqa’ jisfida lill-Prim Ministru, ladarba jaf li dan ma jridux qrib tiegħu bl-ebda mod.

Bħalissa, Cardona jinsab implikat fl-Inkjesta fuq il-kuntratt dubjuż tal-Vitals. Kuntratt li ġie ffirmat waqt li hu kien Ministru tal-Ekonomija. Ismu feġġ ukoll fl-investigazzjonijiet marbuta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, b’Cardona jakkuża lil sħabu li ppruvaw jagħmlu frame-up kontrih.