Lokali

L-ebda roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Gvern qed jibqa’ jirreżisti l-appelli

Filwaqt li diversi pajjiżi qed iraħħsu l-kontijiet tad-dawl, il-Gvern Malti qed jibqa’ jirreżisti l-appelli tal-assoċjazzjonijiet, tal-unjins u tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jitraħħsu b’mod immedjat il-kontijiet tal-energija. Dan fid-dawl tal-fatt illi kemm il-prezz tal-gass u ankè l-prezzijiet taż-żejt fl-aħħar jiem litteralment krollaw.

Kawża tal-kriżi pandemika li diversi pajjiżi jinsabu fiha, kien hemm bosta Gvernijiet li introduċew miżuri fuq dawn il-kontijiet.

F’Ċipru, per eżempju, il-gvern ħabbar roħs ta’ 10% fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma filwaqt li fi Franza ġew sospiżi għal kollox dawn il-kontijiet kif ukoll il-kirjiet. Fl-Italja introduċew skonijiet simili fuq il-kontijiet tal-enerġija.

Madanakollu, skont kelliema għall-Ministeru għall-Enerġija, m’hemm l-ebda pjan sabiex il-familji Għawdxin u Maltin jingħataw roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Waqt li kienet qed titkellem mal-ġurnal Times of Malta hija spjegat li għalissa l-Gvern diġà għamel biżżejjed fid-dawl taċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom – stqarrija li tmur kontra dak li qed jgħidu l-ħaddiema u n-negozji, li fl-istħarriġ tal-MEA spjegaw b’mod ċar li l-miżuri tal-Gvern “m’humiex biżżejjed”. L-appelli li qed jaslu għand il-Gvern jidher li qed jaqgħu fuq widnejn torox, ankè fid-dawl tal-fatt li numru ta’ familji qed jiġu mħeġġa jaħdmu permezz ta’ teleworking u għaldaqstant qed iqattgħu aktar ħin id-dar ….bil-konsum tad-dawl u l-ilma bla dubju li qed jiżdied.