Coronavirus Futbol Sport

L-Eżekuttiv tal-MFA jtemm il-kompetizzjonijiet kollha b’eċċezzjoni għall-Kampjonat Premier u l-FA Trophy

L-Eżekuttiv tal-Malta Football Association iddeċieda li jtemm il-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-MFA nkluż ta’ Għawdex, b’eċċezzjoni għall-Kampjonat Premier u l-FA Trophy. Id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-aħħar gwida mill-Gvern wara rikjesta tal-MFA dwar id-dati potenzjali, meta jistgħu jitkomplew il-kompetizzjonijiet domestiċi. Il-Gvern fir-risposta tiegħu qal li mhux f’pożizzjoni li jikkonferma b’ċertezza meta l-miżuri restrittivi li jaffettwaw lill-MFA jistgħu jitneħħew.

Din id-deċiżjoni tħalli effett fuq il-Kampjonati tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni, il-kompetizzjonijiet kollha f’Għawdex, il-kompetizzjonijiet kollha tal-futbol tan-nisa u l-kompetizzjonijiet kollha tal-futsal. Id-deċiżjoni sportiva dwar dawn il-kompetizzjonijiet tiġi deċiża fil-jiem li ġejjin.

Barra minn hekk, l-Eżekuttiv tal-MFA kkonferma l-pożizzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Membri li ddikjaraw il-kompetizzjonijiet ta’ dan l-istaġun bħala null. Il-Malta Football Association qed tipprepara wkoll għal meta l-attivitajiet sportivi jistgħu jintlagħbu bil-bibien magħluqa. L-MFA permezz tad-Dipartiment Operattiv tal-Logħob u dak Mediku ppreparaw protokoll mediku dettaljat.

Il-futur tal-Kampjonat Premier u l-FA Trophy

Dwar l-uniċi kompetizzjonijiet li għadhom attivi, jiġifieri l-Kampjonat Premier u l-FA Trophy, l-MFA se timxi mar-rakkomandazzjoni u l-linji gwida maħruġa mill-UEFA. Id-deċiżjoni finali dwar dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet iridu jittieħdu sal-25 ta’ Mejju, jiġifieri l-ewwel data stabbilita mill-UEFA. Il-kompetizzjonijiet jitkomplew meta tingħata l-approvazzjoni mill-awtorità tas-saħħa. Id-data tal-għeluq biex l-MFA tibgħat lill-UEFA l-ismijiet tal-klabbs li se jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej hi l-20 ta’ Lulju.