Lokali Saħħa

“Lejn mozzjoni parlamentari biex inroddu lura l-isptarijiet għand il-poplu” – PN

Għada l-aħħar ċans għad-deputati tal-Gvern li juru jekk humiex mal-poplu jew sejkomplujippermettu li l-poplu jinsteraq

Huwa surreali li kellha minflok l-istituzzjonijiet u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kellha tkun l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għal snin sħaħ turi kif il-ftehim tat-tliet sptarjiet kien deal ħażin u korrott fejn insteraq il-poplu. Vitals u Steward tajnihom €260 miljun u ma tawna xejn lura, l-ebda investiment u l-ebda titjib fis-settur tas-saħħa”.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Chris Said u Mario de Marco. David Agius qal li għada fil-Parlament se ssir diskussjoni fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex dawn l-isptarijiet jirritornaw għand in-nies u qed nistiednu lid-deputati tal-Gvern biex iħarsu l-interess nazzjonali u jivvutaw magħna biex il-poplu ma jħallasx €100 miljun lil min diġà nafu li kiser il-kuntratt. Bil-mozzjoni parlamentari, l-Oppożizzjoni qed titlob li jitħassar minnufih il-kuntratt tat-tliet sptarijiet u li jitħassar ukoll ir-restatement agreement, li ġie ffirmat f’Awwissu li għadda. 

Il-Viċi Kap tal-PN qal li fil-preżent hemm ukoll il-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni biex l-isptarijiet jingħataw lura u quddiem il-Qorti hemm ukoll kawża privata biex l-eks Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jiġu investigati kriminalment b’rabta ma’ dan il-kuntratt, fejn l-inkjesta tinsab fi stadju tal-appell wara li l-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed bażi biex issir inkjesta kriminali dwar l-involviment tagħhom fil-ftehim tal-Gvern mal-Vitals. David Agius qal li dan il-kuntratt huwa piż fuq is-settur tas-saħħa f’pajjiżna, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli bl-isfida tal-imxija tal-COVID-19, u li kieku sar l-investiment li ġejna mwegħdin u l-isptarijiet huma lesti u b’iżjed sodod konna nkunu ppreparati aħjar minflok issa jrid isir prefabricated hospital.

Il-pożizzjoni tal-PN hija waħda favur il-professjonisti tas-saħħa, t-tobba u l-infermieri u favur il-ġid tal-familji u l-ħaddiema. Huwa qal li l-€260 miljun setgħu ntefqu aħjar fi proġetti li minnhom verament igawdi l-poplu u mhux il-ftit magħżula mill-Gvern.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, qed tippreżenta din il-mozzjoni parlamentari li mhux biss tikkundanna l-aġir tal-Gvern iżda titlob lil kull membru parlamentari jivvutaw biex l-isptarijiet jerġgħu lura għand il-poplu tagħna. 

Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, qal li l-Għawdxin jinsabu diżappuntati b’dan id-deal għaliex dak li ġew imwegħdin ma’ twettaqx. Vitals u Steward kellhom jibnu sptar b’450 sodda iżda minkejja li digà tħallsu ma sarx, meta kellu jkun lest f’Ġunju tal-2018 iżda l-local plan għadu lanqas biss inbidel biex jakkomoda dan l-iżvilupp għax Vitals u Steward qatt ma pprovdew l-informazzjoni meħtieġa lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Huwa qal li issa li minħabba l-COVID-19 għandna bżonn aktar sodod minn qatt qabel, dawn ma sibnihomx, tant li kellhom jinħarġu l-anzjani mir-residenza Sant’Anna u jittieħdu f’lukanda biex jinħoloq l-ispazju. Dan kollu jinħass aktar minħabba n-nuqqas tal-Gvern li sitt snin ilu kien wiegħed dar tal-anzjani f’Għajnsielem u għadha ma saritx.

Chris Said qal li minkejja li Vitals u aktar tard Steward ingħataw €260 miljun, ma rajna l-ebda investiment mingħandhom. Huwa qal li r-reinstatement agreement huwa oxxen u sar biex ikun żgurat li din l-privatizzazzjoni ma titwaqqaf qatt. Hu saħaq li min awtorizza dan ir-reinstatement agreement jrid jerfa’ r-responsabbiltà, għaliex hija logħba korrotta fuq is-saħħa tal-Għawdxin li tesponi d-differenza bejn Gvern Laburista li privatizza u biegħ u Gvern Nazzjonalista li investa bil-għaqal fil-qasam mediku f’Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma xxaħħaħ mas-saħħa tal-Għawdxin.

Chris Said appell lid-deputati Għawdxin tal-Gvern biex iġibu l-interess tal-Għawdxin l-ewwel u jivvutaw mal-Oppożizzjoni kontra dan id-deal ħażin u korrott. Mario de Marco qal li l-PN stqarr kemm-il darba li qed inżommu lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna responsabbli politikament għal dan id-deal maħmuġ. Huwa fakkar lill-Ministru Scicluna għalfejn qed jinżamm responsabbli. 

Mario de Marco, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, qal li bħala Ministru responsabbli mill-public procurement u l-finanzi tal-poplu, Edward Scicluna huwa responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet. Edward Scicluna kellu jara li l-proċess tat-tender iseħħ b’mod rigoruż u serju fl-interess nazzjonali, dan ma sarx u għalhekk il-Ministru Scicluna għandu ħafna x’jirrispondi.

Id-Deputat Nazzjonalista fakkar kif Edward Scicluna naqas fi tlett fażijiet tal-proċess, qabel ħareġ it-tender għax ippermetta li jsir memorandum ofunderstanding sigriet, naqas fil-proċess tat-tender għax ipperemetta li jintgħazel kuntrattur minghajr finanzi u esperjenza fis-settur u naqas wara li ngħata t-tender għaliex ippermetta li jsiru l-pagamenti mingħajr ma saru l-verifiki jekk il-kuntrattur kienx qiegħed jonora l-obbliġi.

Għada Edward Scicluna għandu l-aħħar opportunità biex juri jekk huwiex fuq in-naħa tal-poplu jew jekk hux lest li jkompli jippermetti li l-poplu jinsteraq u li jippermetti li dan id-deal korrot jibqa’ għaddej.