Gruppi ta’ dimostranti Lebaniżi fil-belt ta’ Tripli konfrontaw lis-suldati għal tieni jum konsekuttiv fost ir-rabja u t-tensjoni dovuti għall-kriżi ekonomika tal-pajjiż li qed taqleb dejjem għall-agħar. Il-konsegwenzi tal-kriżi qed jidhru li xprunaw lill-moviment ta’ kontra l-Gvern għal sensiela ta’ azzjonijiet ġodda minkejja l-lockdown effettiv minħabba l-coronavirus.
Il-belt ta’ Tripli hi t-tieni l-aktar belt importanti tal-Libanu u d-dimostranti, fl-aħħar sigħat, waddbu l-ġebel lejn il-qawwiet tas-sigurtà li wieġbu bil-gass tad-dmugħ u l-isparar tal-balal tal-gomma.
Il-vjolenza rrankat wara l-qtil ta’ dimostrant li sofra tiri fatali waqt konfronti kontinwi bejn il-pulizija u mijiet ta’ attivisti ta’ kontra l-Gvern fi Tripli.
Il-funeral tad-dimostrant sar fil-Pjazza ta’ Al-Nour, fiċ-ċentru ta’ Tripli u wara, id-dimostranti bdew iqajjmu l-inkwiet f’diversi zoni tal-belt, fejn, fost oħrajn, ivvandalizzaw numru ta’ stabbilimenti minbarra li taw in-nar lill-banek tal-inħawi, kif ukoll lill-vetturi tal-militar, fil-viċinanzi.
Il-konfronti mal-qawwiet tal-liġi kienu l-aħħar f’sensiela ta’ protesti kontra l-Gvern minħabba r-rata ta’ inflazzjoni bla preċedent fil-Libanu u t-telf konsistenti tal-valur tal-lira Lebaniża.
Il-kollass finanzjarju fil-Libanu qed iqajjem dejjem aktar rabja, bin-nies iżidu l-protesti madwar il-pajjiż, fost l-għeluq tat-toroq u l-attakki fuq il-banek.
Jidher ukoll li l-aħħar jiem servew bħala stimolu ġdid għall-moviment ta’ protesta li ilu minn Ottubru jopponi lill-klassi politika tal-Libanu. Dan meta l-maġġoranza tal-poplu jqis lill-membri ta’ din il-klassi politika bħala ‘inkapaċi u korrotti’ huma u jsemmgħu leħinhom kontra l-ġuħ, il-faqar u l-qabża kbira fl-għoli tal-ħajja.
Saret ukoll dimostrazzjoni barra d-dar tal-eks Prim Ministru tal-Libanu, Najib Mikati, li kien akkużat b’li żamm ‘illegalment’ ammonti kbar ta’ flus f’self issusidjat għas-settur tal-housing. Mikati qiegħed jiċħad dawn l-akkużi.
L-aħħar jiem ta’ konfronti mal-pulizija ħallew għexieren ta’ midruba, inklużi pulizija, waqt li nqala’ ukoll l-inkwiet fl-ibliet ta’ Bejrut u f’Sidon — fejn id-dimostranti waddbu l-bombi ‘Molotov’ lejn il-kwartieri tal-bank lokali.
Il-Libanu jinsab fl-agħar kriżi ekonomika mill-gwerra ċivili tal-1975-1990 fil-pajjiż u s-sitwazzjoni tal-lockdown nazzjonali – dovut għall-coronavirus – qed jikkumplika l-problemi għan-nies. Dan meta l-Gvern Lebaniż jikkalkula li mal-45 fil-mija tal-poplu, illum, qegħdin jgħixu taħt il-livell tal-faqar.
//= $special ?>