L-Oppożizzjoni Nazzjonalista b’sodisfazzjon tinnota d-deċiżjoni tal-Gvern fejn laqa’ l-proposta tagħha biex proċedimenti dwar deċiżjonijiet fuq l-ippjanar, jinstemgħu permezz tal-video conferencing, mhux biss bħalissa fejn aħna mxekklin bl-imxija ta’ COVID-19, iżda wkoll għall-futur meta nerġgħu għan-normal.
Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Kevin Cutajar hu qal li l-video conferencing hija sistema li ilha ftit teżisti, fejn isir kollegament bl-internet bejn diversi nies li jaħdmu flimkien bla ma jiltaqgħu. Din hi sistema adattata għaż-żminijiet bħal dawk preżenti fejn minħabba l-imxija ta’ COVID-19, qed inkunu kostretti li ma niltaqgħux fiżikament. Fil-Parlament, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvutat favur il-liġi li introduċiet il-video conferencing. Dan però ma jnaqqas xejn mit-tħassib tagħha u oħrajn dwar kif il-Gvern qed jagħmel l-affarijiet.
Dan għaliex il-Gvern għandu l-opportunita li jintroduċi l-faċilita b’liġi aktar ġusta biex tipproteġi aktar l-interessi tal-membri kollha tal-pubbliku, f’dan il-każ f’dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar. Minflok, tkompli tgħid l-istqarrija, il-Gvern irrifjuta li jagħmel hekk. Sabiex ittejjeb il-liġi, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista pproponiet li l-użu tal-video conferencing isir bi qbil bejn il-partijiet kollha konċernati u dan biex min ma jafx juża jew m’għandux il-mezzi ma jkunx fi żvantaġġ. Ipproponiet ukoll li f’każ ta’ problemi fis-sistema, li jistgħu jiġru, l-proċedimenti ma jibqgħux għaddejjin, bla ma jitqies jekk xi parti ġietx effetwata ħażin. L-appell tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista lill-Gvern huwa li jwettaq dak li jippriedka, jisma’ u kif qed tipproponilu l-Oppożizzjoni, jsaħħaħ il-liġi li qed tintroduċi l-video conferencing fil-qasam tal-ippjanar.
//= $special ?>