Internazzjonali

Renju Unit: Boris Johnson u Carrie Symonds iħabbru t-twelid ta’ binhom

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, u l-għarusa tiegħu, Carrie Symonds, ħabbru li saru l-ġenituri ta’ tifel. L-aħħar rapporti minn Londra, qalu li Symonds kienet tinsab ‘tajba ħafna’ l-isptar u li hi u żewġha xtaqu jirringrazzjaw ‘lill-membri fantastiċi tat-taqsima tal-maternità’ talli kollox mexa b’wiċċ il-ġid.

Boris Johnson, li għadu kemm irkupra mill-effetti tal-coronavirus, kien preżenti għat-twelid, fl-isptar tal-NHS ( is-Servizzi tas-Saħħa Nazzjonali f’Londra).

Intant, il-koppja rċeviet messaġġi ta’ kongratulazzjoni minn madwar l-ispektrum politiku – bil-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison u l-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, ikunu fost l-ewwel mexxejja internazzjonali li ferħulhom.

Boris Johnson u Carrie Symonds huma anki l-ewwel koppja mhix miżżewwġa li qatt ħaduet residenza f’Downing Street (l-Uffiċċju tal-Prim Ministru) f’Londra.

Johnson, li għandu 55 sena, u Symonds, li hi 23 sena iżgħar minnu, kienu ħabbru, f’Marzu, li kienu qed jistennw tarbija ‘għall-bidu tas-sajf’. Huma kienu taw l-engagement lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.

It-tarbija hi l-ewwel waħda għal Carrie Symonds waqt li Boris Johnson hu l-missier ta’ ħames ulied oħra.

Il-Prim Ministru Britanniku rritorna għax-xogħol nhar it-Tnejn wara battalja qalila mal-coronavirus li għal żmien ħallietu jiġġieled għal ħajtu – tant li hu kellu jqatta’ tlett iljieli konsekuttivi f’taqsima għall-kura intensiva.

Intant, Carrie Symonds ukoll spiċċat tbati mis-sintomi tal-Covid-19 u żvelat, fuq il-media soċjali, li kellha tqatta’ ġimgħa ‘mill-aktar inkwetanti’ hi u tbati mill-virus u meta li l-Prim Ministru kien kostrett li jgħix fi stat ta’ iżolament.