Sport Sport Ieħor

Tenishia Thornton tirbaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-xahar għal Marzu

Il-weightlifter żagħżugħa Tenishia Thornton rebħet l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Marzu. Thornton li għandha 14-il sena, kellu bidu pożittiv għal din is-sena b’diversi rekords fil-kategorija tagħha kif ukoll rekords nazzjonali fi ħdan il-Federazzjoni Maltija tal-Weightlifting.

Tenishia Thornton spiċċat fit-tieni post wara l-isprinter Rachela Pace f’Jannar kif ukoll wara l-plejer tal-pool Dejan Grech fi Frar. Din l-inizjattiva hi konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports u r-rebbieħa ta’ kull xahar ikunu magħżula minn tliet ġurnalisti membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-coronavirus, dan l-unur se jibqa’ jingħata. L-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance għandhom l-għan li mhux biss jagħtu l-unur fuq ir-riżultati miksuba iżda wkoll fuq il-promozzjoni tal-attività fiżika.

B’hekk fix-xhur li ġejjin, it-tliet ġurnalisti sportivi se janalizzaw l-attivitajiet tal-atleti żgħażagħ Maltin, b’mod partikolari dawk li qed jagħtu kontribut lis-soċjetà b’attivitajiet online li jippromwovu s-saħħa fiżika fost atleti jew persuni fil-bżonn. L-atleti ta’ 21 sena kif ukoll assoċjazzjonijiet jew federazzjonijiet sportivi li jixtiequ jinnominaw ismijiet għal dan l-unur, jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ email fuq info@maltasportsjournalists.com.

Il-preżentazzjoni tat-trofew flimkien ma’ voucher minn stabbiliment ta’ materjal sportivi saret mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham. Preżenti wkoll il-kowċ ta’ Thornton u l-President tal-MWF Jesmond Caruana.