30 TA’ APRIL 2001
Valletta naqsu li jirbħu l-aħħar logħba tal-kampjonat f’jum iċ-ċelebrazzjoni tat-18-il kampjonat meta spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Sliema Wanderers wara li kellhom vantaġġ doppju. B’hekk Valletta spiċċaw il-kampjonat b’46 punt, sitta aktar mis-Slimiżi. Dan kien ir-raba’ kampjonat mirbuħ minn Valletta f’ħames snin.

Valletta fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti. Gilbert Agius beda l-azzjoni, qassam lejn Kris Laferla li kompla lejn KAMIL DVORAK li sab l-ispazju quddiemu u b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa għeleb lil Ernest Barry. L-iskor sar 2-0 fit-58 minuta meta Valletta ngħataw penalty wara li Dvorak twaqqa’ minn Massimo Grima fil-kaxxa. Inkariga ruħu l-istess KAMIL DVORAK li bagħat in-naħa l-oħra tal-ballun u ċċelebra għeluq sninu bl-aħjar mod.

Il-Beltin irrilassaw u ppermettew lil Sliema jidħlu fil-logħba fl-84 minuta meta DANIEL BOGDANOVIC ħa vantaġġ minn ħarġa ħażina ta’ Sean Sullivan u skorja f’lasta vojta. Is-Slimiżi saħansitra ġabu d-draw fid-90 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ NOEL TURNER. Għalkemm spiċċaw ma rebħux fl-aħħar logħba, ir-riżultat finali ma ħassar xejn mill-festi Beltin, bil-captain Kris Laferla jirċievi t-trofew mingħand il-President tal-MFA Joe Mifsud.
