30 TA’ APRIL 2000
Birkirkara ċċelebraw bil-kbir ir-rebħ tal-ewwel kampjonat fl-istorja. Wara li ġimgħa qabel kienu matematikament saru champions, il-Karkariżi telgħu bi ħġarhom biex ikunu preżenti f’Ta’ Qali għal dak il-mument li kienu ilhom jistennew. L-investiment tas-snin ta’ qabel tal-President ħabrieki Victor Zammit seħħ realtà. Fil-klassifika, Birkirkara temmew bi 23 rebħa, 2 draws u tliet telfiet. Minħabba li f’dak il-kampjonat kienu nqasmu l-punti wara t-tieni rawnd, Birkirkara temmew b’46 punt, seba’ punti aktar minn Sliema Wanderers u għaxra aktar minn Valletta.
Quddiem l-akbar folla tal-istaġun, iċċelebraw bl-aħjar mod hekk kif fl-aħħar logħba tal-kampjonat huma umiljaw lil Valletta b’rebħa ta’ 5-1. Ironikament kienu Valletta li fetħu l-iskor bi kross ta’ Kris Laferla jsib lil NENAD VESELJI li mill-viċin għeleb lil Robert Savic. Iżda sitt minuti biss wara, Birkirkara kisbu d-draw meta Joe Brincat twaqqa’ mill-gowlkiper Sean Sullivan fil-kaxxa. Mill-11-il metru, l-eks IVAN ZAMMIT ma żbaljax.
Birkirkara marru minn fuq fit-53 minuta b’passaġġ ta’ Zammit lejn MICHAEL GALEA li kien pront u għeleb lil Sullivan fil-baxx. L-iskor sar 3-1 fil-61 minuta bi free-kick preċiż ta’ JOE BRINCAT li spiċċa fir-rokna tax-xibka. Il-vantaġġ kompla jikber fit-82 minuta meta reġa’ kien IVAN ZAMMIT li rċieva mingħand Jonathan Magri Overend u waħdu quddiem Sullivan ma żbaljax. Il-festa Karkariża kompliet tliet minuti mit-tmiem, bi free-kick ieħor ta’ JOE BRINCAT li ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka.
Mat-tisfira finali, komplew iċ-ċelebrazzjonijiet meritati tal-plejers, diriġenti u partitarji numerużi. Il-qofol intlaħaq bil-mument mistenni meta l-captain Antoine Zahra rċieva t-trofew mingħand il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud, u għolla t-trofew fost il-ferħ ta’ dawk assoċjati mal-klabb ta’ Birkirkara.
//= $special ?>