30 TA’ APRIL 1994
Bħal-lum 26 sena ilu, l-abjad u l-iswed iddominat Ta’ Qali hekk kif Hibernians iċċelebraw ir-rebħ tas-seba’ kampjonat fl-istorja. It-tim ta’ Brian Talbot kien aċċerta ruħu mill-kampjonat ġimgħa qabel wara rebħa ta’ 4-3 kontra Valletta. Fl-aħħar logħba għelbu lil St. Andrews 2-0 biex spiċċaw b’14-il rebħa, tliet draws u telfa u tliet punti fuq Floriana meta għal kull rebħa kienu jingħataw żewġ punti.
Hibernians fetħu l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta f’Carl Zacchau qassam tajjeb lejn Michael Woods li qabeż lil Sean Sullivan iżda twaqqa’ mill-gowlkiper ta’ St. Andrews. Mill-11-il metru nkariga ruħu CARL ZACCHAU li skorja u b’dak il-gowl laħaq lil Joe Zarb fil-quċċata tal-aqwa skorers. Il-Pawlisti rduppjaw 11-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima b’daqqa ta’ ras ta’ LAWRENCE ATTARD.
Fi tmiem il-partita, Hibernians kienu kuntenti bir-rebħa f’jum iċ-ċelebrazzjoni, Zacchau u Zarb kuntenti li spiċċaw l-aqwa skorers filwaqt li St. Andrews ma ġewx umiljati. Il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud ippreżenta t-trofew Coca Cola lill-captain ta’ Hibernians Michael Spiteri.
//= $special ?>