Futbol Sport

27 SENA ILU: Floriana jegħlbu lil Hibernians f’jum iċ-ċelebrazzjoni tal-25 kampjonat

30 TA’ APRIL 1993

Floriana għalqu l-kampjonat tal-istaġun 1992/93 bl-aħjar mod wara li għelbu lil Hibernians 2-1 fl-aħħar logħba. Kif mistenni, il-Furjaniżi telgħu bi ħġarhom biex jiċċelebraw dak li f’dak iż-żmien kien rekord ta’ 25 kampjonat kif ukoll l-ewwel kampjonat mirbuħ mill-istaġun 1976/77.

It-tim Furjaniż deher mill-bidu tal-istaġun li seta’ jisfida għar-rebħ tal-kampjonat. L-uniku mument diffiċli li kellhom fil-kampjonat kien meta fit-tieni rawnd sofrew żewġ telfiet konsekuttivi kontra Valletta bl-iskor ta’ 1-0 u kontra St. Andrews 2-1. Iżda minn dakinhar rebħu kontra Sliema Wanderers, Birkirkara u Rabat biex bit-telfa ta’ Ħamrun Spartans aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat.

Il-Furjaniżi fetħu l-iskor fis-56 minuta bi free-kick dirett mogħti minn JOHN BUTTIGIEG li għeleb lil Etienne Mercieca. Il-vantaġġ irdoppja ruħu fit-72 minuta meta minn ballun fit-tul ta’ David Cluett, il-ballun spiċċa għand Mark Miller li kompla lejn RICHARD BUHAGIAR li kien pront u tefa’ fir-rokna leminija ta’ Mercieca.

Tliet minuti wara, Hibernians naqqsu d-distakk meta Briscoe deher iwaqqaf il-ballun b’idu fil-kaxxa u fl-istess ħin għamel fawl fuq Michael Taliana. Il-penalty ingħata mid-Daniż KARL ZACCHAU li għeleb lil Cluett. Wara l-partita komplew il-festi ta’ Floriana, bil-captain David Cluett jgħolli t-trofew Coca Cola filwaqt li Pierre Brincat jgħolli t-trofew li jinżamm mill-klabb.