Futbol Sport

32 SENA ILU: Ħamrun isiru l-ewwel tim li rebaħ il-kampjonat u l-FA Trophy għal żewġ staġuni konsekuttivi

(Ritratt: In-Nazzjon)

30 TA’ APRIL 1988

Il-ġurnata tat-30 ta’ April tal-1988 tibqa’ data oħra importanti fl-istorja tal-futbol Malti. Dakinhar Ħamrun Spartans saru l-ewwel tim li rebaħ il-kampjonat u l-FA Trophy għal żewġ staġuni konsekuttivi. Fis-17 ta’ Mejju tal-1987, Ħamrun Spartans kienu għelbu lil Sliema Wanderers 2-1 biex wara li rebħu l-kampjonat fl-istaġun 1987/88, huma lagħbu l-finali bħal-lum 32 sena ilu u għelbu lil Floriana 4-2. F’din l-okkażjoni wkoll Ħamrun u Floriana lagħbu finali għall-ewwel darba kontra xulxin. Għal Floriana din kienet l-ewwel dehra tagħhom fil-finali tal-FA Trophy minn kemm kien ilu li l-logħob beda jintlagħab fuq il-ħaxix ta’ Ta’ Qali. L-Ispartans kienu qed jilagħbu r-raba’ finali fl-aħħar sitt snin.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Għaddew biss disa’ minuti biex Ħamrun fetħu l-iskor. Barry Gallagher kellu ballun imblokkat u l-ballun spiċċa għand Michael Degiorgio li qassam lil STEFAN SULTANA li kompletament żmarkat għeleb lil David Cluett. Fis-26 minuta reġa’ kien STEFAN SULTANA li rdoppja wara li rċieva mingħand Leo Refalo. Qabel il-mistrieħ l-iskor sar 3-0 meta wara free-kick ta’ Degiorgio, GEJTU REFALO spiċċa kompletament waħdu u skorja t-tielet gowl f’dik li dehret logħba faċli għalkemm Floriana fallew diversi opportunitajiet ta’ skor. Kmieni fit-tieni taqsima GEJTU REFALO għamilhom 4-0 wara ħarba tajba minn Ħamrun b’xogħol tajjeb bejn Degiorgio u Sultana.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Kien biss lejn it-tmiem meta l-kowċ ta’ Ħamrun Lolly Aquilina bidel lill-gowlkiper regolari Ian Leigh mas-sostitut Cutajar li Floriana skorjaw. Minn goal-kick qasir, Cauchi qassam lejn JESMOND CIANTAR li skorja mill-viċin. Minuti wara, Gejtu Refalo biegħed parzjalment il-ballun minn fuq il-linja, bil-ballun jispiċċa għand JJ AQUILINA li ma żbaljax. Wara l-logħba, il-captain ta’ Ħamrun Spartans Michael Degiorgio rċieva t-trofew mingħand is-Sur V. Scicluna f’isem Central Cigarettes.