L-ekonomija taz-zona ewro għall-ewwel tliet xhur tas-sena naqset bl-aktar rata sinifikanti għaż-żmien kollu li ilhom jinżammu r-rekords. Dan hu dovut għall-effetti tal-pandemija tal-coronavirus li wasslet biex il-pajjiżi tal-Ewropa jinfurzaw ġimgħat ta’ lockdown.
L-ewwel kalkoli tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) bejn Jannar u Marzu jindikaw tnaqqis ta’ 3.8 fil-mija – jiġifieri agħar miż-żmenijiet tal-kriżi finanzjarja globali tal-2007-08.
Dan waqt li statistika separata uriet ‘daqqa kbira ‘l isfel’ fl-attività ekonomika ta’ Franza u Spanja għall-ewwel tliet xhur tas-sena.
Intant, il-qgħad żdied fil-Ġermanja, għalkemm iċ-ċifra għadha relattivament waħda baxxa meta paragunata ma’ ta’ pajjiżi oħra.
L-Istati Uniti, f’nofs il-ġimgħa, żvelat li l-ekonomija tagħha sofriet l-akbar tnaqqis għal aktar minn għaxar snin u wara li l-GDP, bejn Jannar u Marzu, naqas bir-rata annwali ta’ 4.8 fil-mija. Sadanittant, is-sitwazzjoni fl-Istati Uniti għal dawn it-tliet xhur tindika ‘effett anqas gravi’ minn ta’ dak għaz-zona ewro.
Andrew Kenningham, tal-Capital Economics, irrefera għall-aħbarijiet mill-Ewropa bħala ‘maltempata ta’ data ekonomika dipressanti għaz-zona ewro’.
Fil-każ ta’ Franza, it-tnaqqis ta’ 5.8 fil-mija fil-GDP kien l-agħar għal perjodu ta’ tliet xhur mindu l-pajjiż beda jirreġistra din l-istatistika fl-1949.
Żewġ ekonomiji kbar oħra – tal-Italja u Spanja – ukoll qed jirriflettu ‘parti mill-maltemp’, bl-ekonomija Taljana taqta’ lura b’4.7 fil-mija fl-ewwel tliet xhur tas-sena u bl-ekonomija ta’ Spanja tonqos b’5.1 fil-mija.
Il-parti kbira tal-pajjiżi Ewropej – inkluża l-Ġermanja – għad ma pubblikawx l-istatistika rispettiva relatata mal-aħħar ċifri ekonomiċi.
Iżda ċ-ċifri l-ġodda għas-suq tax-xogħol fil-Ġermanja qegħdin jibdew juru l-impatt tal-pandemija – bin-numru ta’ Ġermaniżi bla xogħol jiżdied bi 373,000 matul ix-xahar li għadda.
Sadanittant, is-sistema li l-Ġermanja qed tuża biex tgħin finanzjarjament lin-nies li ġew kostretti li jaħdmu anqas sigħat ( sistema magħrufa bħala Kurzarbeit u li qed tkun implimentata fost l-effetti tal-coronavirus ) taffiet mill-impatt negattiv tas-sitwazzjoni.
Kelliema għal Pantheon Macroeconomics qalu, intant, li filwaqt li mhumiex sbieħ l-aħbarijiet dwar is-suq tax-xogħol fil-Ġermanja, ‘l-impatt kien ikun diżastruż li kieku ma kienx għall-implimentazzjoni tal-Kurzarbeit’.
//= $special ?>