Internazzjonali

Il-Ġermanja: Projbiti attivitajiet tal-Hezbollah fost ir-rejds fuq il-moskej

Il-Gvern ta’ Berlin ipprojbixxa kull attività tal-grupp militanti Hezbollah fil-Ġermanja u ddikjara dan il-moviment ( li għandu l-appoġġ tal-Iran) bħala organizzazzjoni terroristika. L-Istati Uniti u Iżrael kienu ilhom iħeġġu għal dan il-pass, bil-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, Israel Katz, ifaħħar il-miżura ta’ Berlin bħala ‘sinifikanti fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu.

Il-pulizija Ġermaniża anki mexxiet numru ta’ rejds fuq l-assoċjazzjonijiet tal-moskej fi bliet tal-Ġermanja. L-uffiċjali lokali jemmnu, intant, li l-moskej, fil-fatt, huma qrib il-grupp Hezbollah, magħmul minn radikali X’iti Iżlamiċi.

L-uffiċjali tas-sigurtà jemmnu li hemm aktar minn 1,000 persuna fil-Ġermanja li jiffurmaw parti mill-‘fergħa estremista tal-Hezbollah’. Il-Ministeru għall-Intern f’Berlin qal li l-attivitajiet tal-Hezbollah jabbużaw il-liġi kriminali u li l-organizzazzjoni tal-militanti ‘topponi kunċetti internazzjonali għal tolleranza’.

Il-pass minn Berlin ifisser li s-simboli tal-Hezbollah se jkunu projbiti waqt laqgħat, kif ukoll mill-pubblikazzjonijiet tal-grupp u l-media.

Għalkemm mhux possibbli li l-awtoritajiet Ġermaniżi jagħlqu għal kollox l-organizzazzjoni tal-Hezbollah f’pajjiżhom huma jistgħu anki jikkonfiskaw l-assi tal-entità militanti.