Il-Union tal-Cabin Crew (UCC) li tirrappreżenta 333 impjegat tal-ekwipaġġ tal-kabina fl-Air Malta ressqet protest ġudizzjarju urġenti kontra l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Il-UCC qed issejjaħ lil Abela u Schembri biex jintervjenu fl-impass attwali bejn l-Air Malta u l-Ekwipaġġ tal-Kabina. Dan isegwi n-notifika tal-Air Malta dwar sensji kollettivi u l-pjanijiet tagħha biex tnaqqas il-kumpliment tal-Cabin Crew minn 333 għal 49, b’telf ta’ impjieg għal madwar 284 impjegat, li wħud minnhom ilhom impjegati mal-Air Malta għal għexieren ta’ snin.
Lura fl-2016, il-Gvern dak iż-żmien rappreżentat mill-Ministru Edward Zammit Lewis kien daħal fi ftehim privat mal-Unjoni, li jagħti numru ta’ garanziji bi skambju għal qtugħ mifrux u bidliet fil-ftehim kollettiv. Dawn il-garanziji kienu jinkludu wkoll garanzija ta’ impjieg kontinwu, liema garanzija issa qed tiġi miksura permezz tas-sensji ppjanati mill-Air Malta.
Filwaqt li l-UCC hija impenjata li tkompli n-negozjati mal-Air Malta bl-intenzjoni li tevita t-tkeċċijiet tal-massa, il-Gvern naqas milli jintervjeni u injora kompletament l-emails tal-UCC li talbu l-intervent tal-gvern.
Dan in-nuqqas ta’ intervent huwa ksur dirett tal-obbligu tal-gvern li jiggarantixxi l-impjieg skont il-ftehim tal-2016.
Dan il-Protest Ġudizzjarju ġie ppreżentat mill-avukati Paul Gonzi u Thomas Bugeja f’isem l-Union tal-Cabin Crew.
//= $special ?>