Coronavirus Impenn għas-Saħħa Lokali

LightTheSkyMalta – Grazzi lin-Nazzjon

Minn għada l-Ġimgħa, Powerhouse Audiovisuals and Events se tixgħel raġġ ta’ dawl f’diversi lokalitajiet f’Malta, bħala ġest ta’ ringrazzjament lil dawk li qed juru solidarjetà mal-komunità waqt l-imxija tal-Covid-19.

Filwaqt li l-pandemija Covid-19 qed tkompli tiddomina l-għajxien tagħna ta’ kuljum, u l-biċċa l-kbira tan-nies qed jibqgħu d-dar biex jimxu mal-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà, dan il-mod ta’ ħajja mhux tas-soltu sar in-normalità l-ġdida u wħud minna, bir-raġun, mhux qed isibuha faċli.

Bil-ħsieb li tkebbes id-dawl f’dan il-perjodu pjuttost mudlam, Powerhouse Audiovisuals and Events qed tħejji inizjattiva elettrifikanti biex tiċċelebra s-sens ta’ solidarjetà u komunità li din il-pandemija ispirat madwar Malta u Għawdex.

Nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Mejju, il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Powerhouse se tniedi #LightTheSkyMalta, u l-kumpanija se tixħet raġġ ta’ dawl qawwi fis-sema mit-tempji ta’ Ħaġar Qim. Dan se jsir bħala turija ta’ ringrazzjament għal dawk kollha li b’xi mod qegħdin jiġġieldu kontra l-coronavirus.

Id-dawl imbagħad se jinxtegħel mill-Batterija tas-Salut fil-Belt Valletta nhar il-Ħadd 3 ta’ Mejju, u matul il-ħmistax ta’ wara, bejn wieħed u ieħor kull jumejn, dan ir-raġġ qawwi se jdawwal is-sema minn postijiet oħra madwar Malta waqt li jferrex il-messaġġ pożittiv u illuminanti tiegħu.

“F’dawn iż-żminijiet mudlama, irridu nixegħlu s-sema b’raġġ b’saħħtu biex nesprimu l-gratitudni tagħna lejn dawk li qed jgħinu l-komunità tul il-kriżi s’issa – kemm fuq livell professjonali kif ukoll fuq livell personali,” qal il-Fundatur u Direttur Maniġerjali ta’ Powerhouse, Mark Vella.

“Mill-professjonisti mediċi li qegħdin fuq quddiem tal-battalja san-nanniet li ma jistgħux jaraw lin-neputijiet tagħhom biex jissalvagwardjaw saħħithom, kull persuna minn kull rokna tal-komunità qed tiġi affettwata, u aħna nixtiequ nroddu ħajr lil kulħadd ta’ din il-wirja inkredibbli ta’ solidarjetà ma’ xulxin.”

Powerhouse qed tistieden lill-membri tal-komunità biex ifittxu li jilmħu d-dawl qawwi mill-gallariji u l-ġonna tagħhom, u biex jingħaqdu mal-ġirien u l-ħbieb tagħhom u huma wkoll jiddu d-dwal tagħhom lejn is-sema permezz tal-mowbajls jew mezzi oħra. “Nittamaw li dan iwassal biex in-nies iħossu sens ta’ appartenenza,” kompla s-Sur Vella.

F’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u Wirt Artna, matul il-ħmistax li ġejjin Powerhouse se tixgħel is-sema minn diversi siti mmexxija mill-aġenzija, u l-Kunsilli Lokali huma mistiedna wkoll biex jipparteċipaw.

Aktar dettalji dwar il-postijiet fejn se jinxtegħel id-dawl fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu mħabbra fuq www.facebook.com/powerhousemaltaltd. Għal aktar informazzjoni dwar #LightTheSkyMalta, jekk jogħġbok ibgħat email fuq info@powerhousemalta.com.