Lokali

Min qiegħed jonqos lill-verità: Robert Abela jew Neville Gafà? – PN

Ilbieraħ Neville Gafà ddikjara pubblikament u taħt ġurament quddiem Maġistrat Inkwerenti li fil-ġimgħat li għaddew huwa kkordina missjoni fuq il-baħar li tikser sfaċċatament il-Liġi Internazzjonali u dan espressament fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Quddiem dan l-aġir skandaluż il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lil Robert Abela sabiex pubblikament jikkonferma jew jiċħad dak li qal Neville Gafà.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina, il- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, Beppe Fenech Adami u l- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri Carm Mifsud Bonnici.

Jekk dak li stqarr Neville Gafà huwa minnu, l-aġir tiegħu u tal-Prim Ministru Robert Abela jammonta għal ksur tal-Liġi Internazzjonali li pajjiżna huwa obbligat li josserva. Aġir immorali u illegali.

L-aġir li ddeskriva Neville Gafà qed ikompli jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna li fl-aħħar snin qalet daqqa wara l-oħra taħt Gvern Laburista, u b’hekk diġà tinstab f’qagħda viċin li tkun irreparabbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ jinħeba wara Neville Gafà u għandu b’mod immedjat jikkonferma jew jiċħad dak li rabat lilu u l-Gvern tieghu Neville Gafà.