Lokali Parlament

Regolamentazzjoni dwar l-e-scooters li ma tirreflettix konsultazzjoni serja

Toni Bezzina, PN

Waqt id-diskussjonii parlamentari dwar r-regolamenti li jirregolaw l-e-scooters f’ pajjiżna, d-deputat tal-Partit Nazzjonalista il-Perit Toni Bezzina qal li ma saritx konsultazzjoni serja ma diversi utenti li jagħmlu uzu minn dan il-mezz ta’ transport, speċjalment żgħażagħ.

Kuntrarjament ghal Gvern, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jikkonsulta anke wara l-ħruġ tal-Avviz Legali 352 tal-2019, u għalhekk qeda titlob diversi emendi ghal dan l-Avviż Legali.

Sfortunatament, kif inhu mfassal dan l-Avviz Legali, dan jesiġi li apparti li kull e-scooter għandu jigi liċenzjat u inxurjat, hemm wkoll multi esaġerati applikabbli li f’ċertu istanzi jissuperaw multi applikabbli għall-karozzi. Dan qed iwassal li minflok qed jiġi nkoraġġit l-użu ta’ dan il-mezz nadif tat-trasport u cioè l-e-scooters, aktar qed jaqta’ qalb in-nies li jużawh.

Skond id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista il-Perit Toni Bezzina, trid issir distinzjoni bejn l-e-scooters li huma ta’ veloċità baxxa, u cioe ta’ 20kmf fis-siegħa, li huma kkunsidrati bħala e-scooters għal użu personali u dawk high power e-scooters jew shared e-scooters. Għalhekk, e-scooters għal użu personali għandhom ikunu regolati bl-istess regolamenti ta’ roti u pedelec bl-unika differenza tkun li dawn ikunu jistgħu jinstaqu biss minn persuni ta’ età minn 16 -il sena ‘l fuq.

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-użu ta’ dawn il-mezzi nodfa ta’ trasport inaqqas id-dipendenza fuq mezzi tradizzjonali li jħammġu l-arja, bħal karozzi. Dan anke fil-kuntest illi dan il-mezz ta’ trasport jista’ jkun l-għażla awtomatika biex imorru minn post għal ieħor għal nies li twieldu f’ dan is-seklu.

Għalhekk l-e-scooters għal użu personali, filwaqt li għandhom ikunu reġistrati meta jinxtraw l-ewwel darba biex ikun assigurat li huma konformi ma’ standards stabbiliti, għandhom ikunu eżentati mill-liċenzjar u inxurjar.

Però dan ma jeskludiex li dawn l-e-scooters ikollhom head lamp, tail lamp, horn, li tintlibes il-helmet u li tintlibes high-visibility vest minn inżul sa tlugż ix-xemx. Barra minnhekk, dawn m’għandhomx ikunu misjuqa fuq il-bankini u promenades biex tkun issalvagwardjata s-saħħa ta’ min ikun qed jimxi fuqhom.

Għal din ir-raguni, il-Gvern għandu jinvesti f’bycicle lanes u infrastruttura oħra biex l-e-scooters ikunu jistgħu jiġu wżati f’kull triq li fiha tkun tista’ tintuża kemm rota kif wkoll pedelec u mhux kif għamel il-Gvern fejn elimina l-użu tagħhom minn toroq arterjali u distributorji.

Fl-istess ħin, il-kunsilli lokali għandhom jigu mgħejjuna biex jsiru skemi ta’ immaniġġjar tat-traffiku biex jinħolqu kuruduri apposta għal użu sikur tal-e-scooters.

Għajnuna oħra li għandha tingħata mill-Gvern lill-kunsill lokali hi biex jinħolqu spazji u żoni minn fejn individwi jkunu jistgħu jikru e-scooters bi press issusidjat biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw kemm minn post għall-ieħor fl-istess lokalità kif wkoll minn raħal għall-ieħor fil-viċinanzi. B’hekk tinqata’ drastikament id-dipendenza għal ivvjaġġar minn fuq it-trasport tradizzjonali.

Id-Deputat Nazzjonalista għalaq id-diskors tiegu billi qal li sfortunatament il-Gvern mhux jagħmel biżżejjed biex jinċentiva n-nies jibdew jagħmlu użu minn trasport nadif, bħal ma huma l-e-scooters.

Dan hu riżultat kemm minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni kif wkoll minħabba nuqqas ta’ infrastruttura apposta fit-toroq tagħna. Għalhekk, il-Gvern flimkien mal-Oppożizzjon, għandhom jaħdmu flimkien biex issir diskussjoni serja biex isiru l-emendi meħtieġa f’dan l-avviż legali biex jiġu nkoraġġiti aktar nies jagħmlu użu minn dan il-mezz ta’ trasport alternattiv.