Birdlife Malta prezentat rikors fil-Qorti kontra l-Gvern sabiex ikun stabbilit jekk it-trasferiment tal-Wild Birds Regulation Unit ghal taħt il-Ministeru għal Għawdex hux pass li jmur kontra l-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
Ir-rikors isegwi l-protest ġudizzjarju dwar l-istess kwistjoni li tressaq f’Jannar li għadda u l-kwerela tal-ġimgħa li għaddiet.
Din l-azzjoni fil-Qorti tikkontesta wkoll il-fatt li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħareġ il-liċenzja tal-kaċċa fir-Rebbiegħa mingħajr ma kellu s-saħħa legali li jagħmel dan. Dan ghaliex skont Birdlife, hu biss il-Ministru tal-Ambjent li jista’ jimministra l-liġijiet ambjentali.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti, uffiċjali ta’ Birdlife Malta spjegaw kif dan kollu qed jiġri fl-agħar staġun tal-kaċċa li qatt kellna. Staġun li matulu mhux biss kien hemm rekord ta’ tajr protett li tniżżel illegalment, iżda wkoll eluf ta’ gamiem vulnerabbli u protett li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali.
Minkejja dan kollu l-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh biex iwaqqaf Wildlife Crime Unit li dwaru ilu li ntlaħaq qbil unanimu fil-Kumitat ORNIS minn Awwissu tal-2018. Taqsima bħal din fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għandha tgħin lil-pulizija tikkumbatti reati kriminali ta’ dan it-tip.
Għalhekk fin-nuqqas ta’ impenn bħal dan, BirdLife Malta qalet illi m’għandha l-ebda għażla ħlief li tressaq is-sitwazzjoni fuq livell Ewropew.
Intant, b’reazzjoni għal dan, il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia qal li issa huwa car li wara r-rapport li BirdLife għamlu lill-Kummissarju tal-Pulizija kontra 6,000 kaccatur, l-ewwel ippruvaw jidevjaw billi qabdu fuq ir-Riservi tal-Mizieb u tal-Ahrax…. u issa dawru l-kanuni kontra l-gvern.
L-FKNK insistew illi se tieħdu l-passi legali kollha possibli kontra Birdlife Malta wara l-Kwerela falza, perikoluża u malizjuża li huma resqu b’mod sfaċċat …fejn mingħajr ebda skruplu talbu għall-arrest tal-kaċċaturi kollha.
//= $special ?>