Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Riskju għal mijiet ta’ impjegati fis-settur marittimu

L-industrija marittima ta’ pajjiżna hija industrija li tagħti kontribut kbir f’pajjiżna. Settur li jinkludi fih 11,500 impjegat li jaħdmu direttament f’din l-industrija. U huwa propju għalhekk li l-Gvern għandu jirrikonoxxi d-diffikultajiet kbar li jinsab fih dan is-settur.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’laqgħa li kellu mal-Malta Martime Forum – laqgha li ghaliha kien hemm preżenti l-Viċi kap tal-PN David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-investiment ekonomiku Kristy Debono u l-Kelliem għat-trasport Toni Bezzina.

Joe Borg, Chairman tal-Malta Maritime Forum spjega li l-aħjar miżura ta’ ġustizzja soċjali f’dawn iċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom huwa li jkun hemm formula ta’ qsim tal-piż…. b’livelli proporzjonali bejn il-gvern, min iħaddem u l-impjegati.

Fil-laqgħa mal-Kap tal-PN Adrian Delia, il-Forum Marittimu wera kif l-industrija marittima Maltija ilha ġġorr il-piż kollu waħedha minn Jannar meta l-portijiet Ċiniżi ngħalqu u l-bastimenti kellhom iħassru vjaġġi sħaħ minħabba nuqqas ta’ merkanzija.

Huwa fatt magħruf li bejn Jannar u April tħassru aktar minn erba’ mitt vjaġġ merkantili madwar id-dinja, b’Malta tieħu parti mid-daqqa ta’ din is-sitwazzjoni diżastruża.

Adrian Delia saħaq li minkejja li nafu li din is-sitwazzjoni se tippersisti fit-tul, il-gvern mhux qed jirrikonoxxi d-diffikultajiet kbar li jinsab fih dan is-settur.

L-MMF ipproponiet numru ta’ miżuri proattivi li għandhom jindirizzaw kemm is-sitwazzjoni attwali, kif ukoll meta tgħaddi din il-pandemija. Dan għaliex din l-industrija qiegħda tiġġieled battalja għas-sopravivenza biex izzomm ghexieren ta’ jobs.

Waqt il-laqgha huma qalu li d-deċiżjoni tal-gvern li jinjora l-industrija marittima se jkollha impatt qawwi u fit-tul.