Futbol Sport

SEBA’ SNIN ILU: Julian Pace Bonello elett President tal-Kumitat Olimpiku Malti

30 TA’ APRIL 2013

Il-President attwali tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello llum għalaq seba’ snin fil-kariga. Dakinhar hu kien l-uniku kandidat għall-elezzjoni wara li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco kien għażel li ma jerġax jikkontesta wara 13-il sena fit-tmexxija. Pace Bonello kien Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti għal tmien snin u kien ukoll President tal-Malta Ten Pin Bowling Association, kariga li kellu jirriżenja minnha minħabba l-ħatra l-ġdida.

Fl-istess elezzjoni, il-Kunsill eleġġa wkoll diversi karigi oħra li kienu se jservu sal-2017. Mark Cutajar li kien Direttur tal-Isport, inħatar Viċi President flok Pace Bonello. Is-Segretarju Ġenerali Joe Cassar żamm il-kariga filwaqt li David Azzopardi wkoll ma kienx ikkontestat għall-kariga ta’ Direttur tal-Finanzi. Ivan Balzan inħatar Direttur tal-Isport flok Cutajar. Iż-żewġ diretturi nisa eletti skont l-istatut kienu Lucienne Attard u Sue Mercieca filwaqt li magħhom kienu eletti Dion Buhagiar, Charles Camenzuli, Envic Galea, Mario Micallef, Paul Sultana u Jonathan Vella.