Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li ċ-Ċina se tagħmel ‘kulma tista’ biex hu jitlef l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana, wara li hu irranka l-kritika għar-reġim ta’ Beijing, fost il-kriżi tal-coronavirus.
Trump insista, waqt intervista mill-White House, li ‘iċ-Ċina qed tiffaċċja diversi konsegwenzi potenzjali min-naħa tal-Istati Uniti’ minħabba r-riżultati tal-pandemija, li bdiet xhur ilu fil-belt ta’ Wuhan. Dan waqt li l-President Amerikan għamilha ċara li ċ-Ċina messha infurmat lid-dinja minn ħafna qabel dwar l-iskala tal-infezzjonijiet mill-Covid-19.
Il-President Trump, fl-istess ħin, qed jiffaċċja l-akkużi li mhux qed jagħmel biżżejjed biex jikkonfronta l-kriżi tal-coronavirus fost l-Amerikani. Dan meta l-Covid-19 ħalla impatt devastanti għall-ekonomija tal-Istati Uniti li (qabel) kienet sejra tajjeb ħafna u li kienet qed titqies bħala ‘l-aħjar karta li seta’ jilgħab Trump waqt il-kampanja elettorali’.
Fl-istess ħin, Donald Trump – li fl-aħħar xhur kien involut fi gwerra kummerċjali maċ-Ċina – ma dettaljax, speċifikament, kif jista’ jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Beijing. Madankollu, hu enfasizza li ‘filwaqt li l-Istati Uniti qed tinvestiga x’seta’ seħħ tassew ( waqt l-iżvilupp tal-coronavirus) hemm ħafna affarijiet li pajjiżu jista’ jagħmel f’din is-sitwazzjoni’.
F’dan il-punt, Trump sostna li ċ-Ċina għandha tagħmel minn kollox biex hu jitlef l-elezzjoni għal tieni mandat ta’ tmexxija. Il-President Amerikan anki jemmen li r-reġim komunista f’Beijing irid li Joe Biden, li qed jisfida għall-White House għan-nom tal-Partit Demokratiku, jirbaħ l-elezzjoni ta’ Novembru.
Sadanittant, Donald Trump huwa xettiku dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ data li tissuġġerixxi li Joe Biden għandu joħroġ rebbieħ f’din l-elezzjoni. Hu għamilha ċara li ‘ma jemminx fl-istħarriġ’, qabel ikkummenta li ‘il-poplu Amerikan jaf jagħmel l-għażliet tiegħu bil-għaqal’ u li ‘(b’referenza għal Biden) l-Amerikani mhumiex se jgħaddu r-riedni tal-pajjiż lil persuna inkompetenti’.
Aktar qabel, l-istampa Amerikana rappurtat li Donald Trump, jiem ilu, kien ċanfar bil-kbir lill-konsulenti politiċi tiegħu wara proċess ta’ stħarriġ ‘intern’ li żvela li l-President kien qed jitlef l-appoġġ f’numru ta’ Stati kruċjali.
Il-konsulenti ma’ Trump jiddubitaw kemm il-President jista’ jirbaħ fl-Istati kruċjali ta’ Florida, Wisconsin u Arizona, bis-sorsi infurmati jgħidu wkoll li l-attivisti involuti mal-kampanja tal-President ‘kważi qatgħu qalbhom’ minn suċċess fl-Istat ta’ Michigan.
//= $special ?>