Internazzjonali

‘Zero każi lokali tal-Covid-19’…Il-Korea t’Isfel tiċċelebra tragward inkoraġġanti

L-istampa fil-Korea t’Isfel, sa fl-aħħar, setgħet tirrapporta  ‘zero każi lokali ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19’ wara ġimgħat ta’ kampanja aggressiva kontra l-marda. Dan ir-rapport kien validu għal 24 siegħa, b’erba’ każi ta’ infezzjonijiet fil-pajjiż ikunu kollha ‘impurtati’ minn barra.

Fi Frar, il-Korea t’Isfel irreġistrat waħda mill-agħar epidemiji tal-coronavirus fost il-pajjiżi Asjatiċi, bit-tobba u l-infermiera fil-belt ta’ Daegu ( l-agħar belt milquta fil-pajjiż) jistinkaw kontra l-ħin, ġurnata wara l-oħra, wara li ħalfu biex iġibu r-rata ta’ infezzjonijiet taħt kontroll.

Fl-aħħar sigħat, eluf ta’ ċittadini fil-Korea t’Isfel setgħu jiċċelebraw vaganza nazzjonali fil-parks anki waqt li eluf oħra kienu qed jippreparaw għal tmiem il-ġimgħa (mingħajr impenji ta’ xogħol) itwal mis-soltu.

In-nies intervistati mill-ġurnalisti qalu li jħossuhom ixxurtjati li l-Korea t’Isfel irnexxielha tasal sa dan il-punt mingħajr ma tinsisti dwar lockdown riġidu. Il-Koreani huma anki xukkjati dwar l-impatt mill-Covid-19 għall-Ewropa u l-Istati Uniti waqt esprimew ‘sens ta’ ringrazzjament’ talli, fl-aħħar sigħat, setgħu jgawdu ftit taż-żmien mal-qraba u l-ħbieb.

Madankollu, is-sens ta’ kawtela għadu jirrenja fil-Korea t’Isfel – u meta r-residenti għadhom konxji mill-possibbiltà ta’ ‘tieni mewġa’ tal-Covid-19.

Aktar żviluppi relatati mal-coronavirus

Ir-Renju Unit ikkonferma 391 mewta oħra ta’ persuni li testjaw pożittiv għall-coronavirus. In-numru tella’ għal 20,131 l-ammont totali ta’ imwiet irrappurtati fl-isptarijiet ta’ dan il-pajjiż.

Sadanittant, is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, wissa li l-ħtieġa li jinżammu l-kriteri għal social distancing ladarba jintemm il-lockdown se timponi ‘sfidi serji’ għan-network tat-trasport fil-kapitali Britannika. Khan kien qed iwieġeb għal rapport mill-istrateġisti ta’ emerġenza li jwissi dwar l-impatt negattivi potenzjali tas-social distancing għas-servizzi fit-Tube ta’ Londra fost kummenti li ‘il-ħajja fil-kapitali mhix mistennija tmur lura għal li kienet’.

Il-Brażil irreġistra rekord ta’ 6,276 każi ġodda tal-coronavirus f’perjodu ta’ 24 siegħa. Il-pajjiż diġà għandu l-akbar ammont ta’ infezzjonijiet fost l-Istati kollha tal-Amerika Latina, b’total ta’ 79,685 każi  konfermati u 5,500 mewta. Mitlub jikkummenta, il-President Brażiljan Jair Bolsonaro qal li jiddispjaċih għall-vittmi iżda anki staqsa lill-ġurnalisti ‘x’kienu qegħdin jistennew li jagħmel’.

L-attivista Żvediża favur il-klima, Greta Thunberg, irregalat il-premju ta’ madwar 100,000 ewro li rċeviet mingħand fondazzjoni tad-Danimarka lill-UNICEF (il-United Nations Children’s Fund), għall-użu kontra l-pandemija.