Coronavirus Lokali Saħħa

Żewġ każi ġodda ta’ Covid-19

Fl-aħħar 24 siegħa saru 1253 test tal-Coronavirus, b’żewġ persuni oħra jinstabu pożittivi għal din l-imxija. It-total ta’ każijiet pożittivi f’pajjiżna issa tela’ għal 465.

It-total ta’ persuni li fiequ mill-Covid-19 f’Malta huwa dak ta’ 351. Fl-aħħar 24 siegħa kienu 12-il persuna li rkupraw minn dan il-virus.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar sigħat ma kien hemm l-ebda każi ġodda li ħarġu pożittivi miċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far. Fl-isptar Mater Dei hemm tliet pazjenti li jinsabu fil-ward apposta filwaqt żewġ persuni oħra jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU). Tmien persuni oħra jinsabu fl-Isptar Boffa fil-Floriana u sitt persuni jinsabu fl-Isptar San Tumas.

Il-każijiet il-ġodda huma:

Raġel ta’ 33 sena mis-Sudan li jgħix fil-komunità. Hu kien jgħix fl-istess post ma’ persuna oħra li nstabet pożittiva. Il-każ kompla jiġi segwit.

Rumena ta’ 29 sena, residenti Malta. Hi bdiet bis-sintomi fis-27 ta’ April. Hi ma kinitx qed tmur xogħol, imma kellha kuntatt ma’ żewġ qraba tal-familja.

Tul il-bulettin mediku s-Supridentent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li 80% tal-każijiet f’Malta kienu persuni li kellhom is-sintomi, filwaqt li 20% kienu dawn li ma kellhomx sintomi.

Intant Prof. Gauci qalet li tnediet l-app li biha tista’ tiċċekja s-sintomi tal-Coronavirus, u din tindikalek jekk għandekx bżonn tmur biex tagħmel swab test għal dan il-virus.