Il-Partit Nazzjonalista jfakkar u jifraħ għas-sittax-il sena anniversarju mid-dħul ta’ pajjiżna bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Dak li seħħ u tqiegħed għall-ġid tas-sewwa jitkellem waħdu. Iddur fejn iddur pajjiżna fil-maġġorparti tiegħu bbenefika, tgħallem iktar, kabbar iktar l-orizzonti tiegħu u kkonsolida pożizzjonijiet li kien ilu s-sekli li jixraqlu.
Permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri, Carmelo Mifsud Bonnici, Kristy Debono, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej u Roselyn Borg Knight, Segretarja Internazzjonali tal-PN, il-Partit Nazzjonalista qal li f’dan l-ewwel jum ta’ Mejju ddedikat għall-ħaddiem għandna nagħrfu iktar li dak li seħħ huwa pass lejn il-ġustizzja socjali. Pass biex d-drittijiet tal-klassi tal-ħaddiema kibru u jiġu protetti aħjar. Pass li jagħti fuq kollox iktar dinjità lill-bniedem fuq il-post tax-xogħol. Issodajna ċertament bħala stat liberu u indipendenti. Proċess li bih nistgħu naraw x’inhuma lprijoritajiet tagħna. Fejn billi għandna vuċi fil-kapitlu nistgħu ninfluenzaw. Dan f’kull aspett soċjali, ekonomiku u kulturali. Fuq kollox ukoll għodda essenzjali għall-politika barranija tagħna mmirata b’mod dirett lejn dak li qiegħed jseħħ fil-Mediterran.
Mertu ta’ dawk li ġew qabilna fi ħdan dan il-Partit Nazzjonalista, l-missirijiet li kellhom lkuraġġ ta’ viżjoni unika, aħna lkoll għamilna qabżiet fil-kwalità. Illum l-Maltin u l-Għawdxin huma ċittadini Ewropej mad-dinja kollha. Mhux biss imma f’dan il-mument partikolari għandna iktar nagħrfu li pajjiżna jista’ jimxi iktar ‘il quddiem għax qiegħed fl-Unjoni Ewropea bħala membru sħiħ. L-istqarrija temmet tgħid li pajjiżna għandu għodda essenzjali biex jaffronta l-preżent kif ukoll dak li ġej fil-futur u dan għall-ġid tal-poplu kollu fid-demokrazija, l-ġustizzja u llibertà.
//= $special ?>