Futbol Sport

17-IL SENA ILU: L-ewwel promozzjoni għall-Kampjonat Premier fl-istorja ta’ Balzan Youths

(Ritratt: In-Nazzjon)

1 TA’ MEJJU 2003

Balzan Youths aċċertaw posthom fil-Kampjonat Premier għall-ewwel darba wara draw li kisbu 17-il sena ilu kontra l-ġirien Lija Athletic. Fi tmiem il-kampjonat, Balzan spiċċaw fit-tieni post bi 33 punt, tliet punti wara Msida St. Joseph. L-aktar qrib tal-Balzanin kienu Senglea Athletic li temmew b’31 punt.

Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Balzan marru fil-vantaġġ permezz ta’ wieħed mill-aqwa plejers tagħhom MARK MARLOW li qabad ballun minn tarf il-kaxxa u bi ġmiel ta’ xutt għeleb lil Calleja. Balzan dehru resqin lejn l-aħħar rebħa tagħhom fil-kampjonat iżda Lija evitaw it-telfa fit-92 minuta xi ftit b’sorpriża. Cleavon Frendo qassam ballun perfett li għadda qalb id-difiża ta’ Balzan, bis-sostitut MICHAEL GATT jiskorja b’xutt preċiż fil-baxx.

Sfortunatament għalihom, l-avventura tagħhom fil-Kampjonat Premier damet staġun biss. Huma reġgħu kisbu l-promozzjoni fl-ogħla diviżjoni fl-istaġun 2010/11 u issa ilhom fil-Kampjonat Premier mill-istaġun 2011/12. Fl-istaġun li għadda, Balzan kisbu l-ewwel unur maġġuri fl-istorja tagħhom bir-rebħ tal-FA Trophy.