1 TA’ MEJJU 1994
Neptunes rebħu l-ewwel edizzjoni tal-Kampjonat tax-Xitwa organizzat mill-ASA. Fl-aħħar logħba huma għelbu lil Sirens 11-10 filwaqt li r-rivali San Ġiljan kienu megħluba bl-istess skor minn Valletta biex b’hekk fallew l-opportunità li joħorġu rebbieħa. Ir-rebħa għal Neptunes waslet fl-aħħar sessjoni, proprju fl-aħħar mumenti tal-logħba. Sirens rebħu l-ewwel sessjoni 2-1, b’Sirens jidħlu jistrieħu 4-3 fejn qatt ma kienu minn taħt.
Il-vantaġġ ta’ Sirens fit-tielet sessjoni saħansitra kiber għal 8-4 wara tliet gowls konsekuttivi, b’doppjetta ta’ Jonathan Valletta u gowl ta’ Paul Privitera. Neptunes daħlu fil-logħba b’gowls minn Chris Bonello u John Paris, bl-istess plejer jerġa’ jnaqqas id-distakk għal 9-7 lejn tmiem is-sessjoni. Bonello naqqas id-distakk fil-bidu tal-aħħar sessjoni iżda Pierre Borg skorja r-raba’ gowl personali għal vantaġġ ta’ 10-8. Neptunes irnexxielhom jirkupraw l-iżvantaġġ doppju b’gowls ta’ Paris u Gianfranco Stellini, b’Albert Portelli jegħleb lil Ronnie Spiteri fl-aħħar sekonda tal-logħba biex skorja l-gowl tar-rebħa.
Fil-logħba l-oħra ta’ interess għar-rebħ tal-kampjonat, San Ġiljan kienu jafu li b’rebħa jirbħu l-kampjonat. Huma kellhom ukoll l-appoġġ tal-partitarji bl-ewwel fażi tal-logħba dehret li mhux se tkun diffiċli għalihom biex jirbħu. Fit-tieni sessjoni huma kellhom vantaġġ ta’ 5-2 u 6-3, b’Massimo Angilleri jnaqqas id-distakk għal 6-4. Valletta rnexxielhom iġibu d-draw darbtejn, b’Charlie Zammit jagħmel l-iskor 7-7 qabel l-aħħar sessjoni.
Mario Zammit tefa’ lil Valletta fil-vantaġġ iżda Kurt Dowling għamilhom 8-8. L-istess żewġ plejers reġgħu skorjaw għal 9-9 sakemm Valletta skorjaw żewġ gowls konsekuttivi, b’Dirk Dowling inaqqas id-distakk meta kien għad fadal 48 sekonda għat-tmiem. Valletta kkontrollaw l-aħħar mumenti, b’San Ġiljan ma jirnexxielhomx iġibu d-draw li bih kienu jisfurzaw decider. B’hekk it-tisfira finali rat lil Neptunes ikunu ddikjarati rebbieħa tal-kampjonat. Wara l-logħba, il-captain ta’ Neptunes Adrian Cachia rċieva t-trofew mingħand ir-rappreżentant ta’ Farsons, fil-preżenza tal-President tal-ASA ta’ dak iż-żmien Robbie Ebejer.
//= $special ?>