Lokali

“Aħna nemmnu fil-kapaċità tal-Maltin u l-Għawdxin u rridu li l-futur tagħna noħolquh flimkien” – Adrian Delia

Flimkien mas-setturi kollha tas-soċjetà qegħdin infasslu l-futur tagħna u ta' pajjiżna wara l-imxija tal-COVID-19

 “Flimkien mas-setturi kollha tas-soċjetà qegħdin infasslu l-futur tagħna u ta’ pajjiżna wara l-imxija tal-COVID-19. Aħna rridu ġustizzja soċjali fejn ħadd ma jibqa’ lura iżda minflok nikbru flimkien, fejn il-futur noħolquh flimkien. Aħna nemmnu fil-poplu, fil-Maltin u l-Għawdxin u rridu nkunu proattivi biex il-futur tagħna noħolquh flimkien.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET Television. 

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni qed tiltaqa’ mas-setturi kollha tal-pajjiż, mal-ħaddiema, l-Korpi Kostitwiti, l-imsieħba soċjali, n-negozji, dawk li jħaddmu u s-self employed, fejn qed nisimgħuhom u nifmuhom dwar x’inhuma d-diffikultajiet u l-esiġenzi li jeħtieġu filwaqt li naraw li ma jintilfux iżjed impjiegi, u minn issa qegħdin naħdmu flimkien biex infasslu strateġija wara l-COVID-19, sabiex ikollna l-abbiltà li mhux biss nisimgħu u nitkellmu iżda li flimkien infasslu l-politika tagħna li tkun waħda parteċipattiva fejn iċ-ċittadini jkunu parti integrali tad-deċiżjonijiet.

Ma nistgħux nibqgħu nkejlu biss bis-surplus u bil-GDP iżda wkoll bil-wellbeing u l-ħajja aħjar ta’ kull ċittadin u f’dan iż-żmien rajna kif ħafna familji qed jaffaċċjaw diffikultajiet u mhux ilħaqu mal-ħajja. Aħna nemmnu fil-poplu u rridu li l-futur tagħna noħolquh flimkien. 

Dwar il-kuntratt tat-tliet sptarijiet, Adrian Delia wiegħed li mhux se jieqaf qabel ma ssir il-ġustizzja u dak li huwa tal-poplu nġibuh lura. Huwa qal li n-nies  issa indunaw li għandna Prim Ministru li jaqbeż għall-barranin li qegħdin jisirquna u li diġà ħadulna €260 miljun u ma tawna xejn lura. Kellna tliet sptarijiet li tajnihom lil xi ħadd li ma nafuhx u ma sar l-ebda investiment, San Luqa mhux tajjeb għall-pazjenti, l-isptar ġenerali ta’ Għawdex baqa ma’ sarx state of the art kif ġie mwiegħed u Karen Grech baqa’ kif kien u l-Gvern minflok jipprova jiġġustifika li l-€260 miljun li tajna lil Steward huma value for money meta dawn il-flus tan-nies ingħataw għal xejn. 

Adrian Delia qal li wara li l-Oppożizzjoni uriet dan kollu, Konrad Mizzi mar ibiddel l-ewwel kuntratt li kien jipprovdi li nistgħu nġibu lura dawn l-isptarijiet u f’Awwissu li għadda rabatna li nagħtu €100 miljun lil Steward u nħallsu d-dejn kollu biex jinħall il-kuntratt anke jekk ikun tort tagħhom. Dawn il-€100 miljun kieku konna nużawhom biex ngħinu lil 110,000 ħaddiem li l-Gvern baqa’ qatt ma tahhom l-għajnuna f’dawn iż-żminijiet jew ninvestuhom fis-settur tas-saħħa fejn verament għandna bżonn.

Adrian Delia qal li lbieraħ, Konrad Mizzi issa sab l-appoġġ tad-deputati tal-Gvern, li issa huma kollha kompliċi. Din serqa premeditata meta l-Oppożizzjoni offriet kemm-il darba lill-Gvern biex naħdmu flimkien biex niġġieldu dawn il-kuntratti li qed jisirqu lill-poplu u flimkien inġibu lura dawn it-tliet sptarijiet lura għand in-nies. Dr Delia qal li l-poplu qed jintebaħ u nduna li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu interess wieħed li mhux il-poplu u mhux l-aqwa interess nazzjonali imma tagħhom biss u ta’ dawk li huma mifthemin maghhom li huma parti mis-serqa tal-isptarijiet, li bħal deals ħżiena oħra għandu l-istess timbru ta’ Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Nexia BT. 

Dwar is-16-il sena anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, l-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-partit li kellu l-kuragg li jemmen li mhux biss nieħdu rajna f’idejna bl-Indiependenza imma li nissieħbu wkoll fl-Unjoni Ewropea għax nemmnu fil-kapaċita tan-nies, fl-abbiltà tagħna li nkunu aħna determinanti u nfasslu u ninfluwenza kontinent sħiħ. Adrian Delia qal li jrid u se jaħdem biex nerġgħu nibnu r-reputazzjoni tagħna, li ttieklet minħabba li l-Gvern Laburista dgħajjifha, rridu nuru li kapaċi nerġgħu nibnu lil pajjiżna biex niddeterminaw il-futur tagħna.