Il-Pulizija fil-Punent tal-Awstralja fetħu n-nar fuq raġel li kien qed jattakka lin-nies b’sikkina kbira. L-attakk seħħ ġo kumpless kummerċjali, fir-reġjun ta’ Pilbara, fejn l-aggressur spiċċa maqtul wara li rreżista lill-pulizija. L-awtoritajiet, wara, ikkonfermaw talanqas ħames midruba fl-attakk — bi tnejn jispiċċaw f’kundizzjoni serja.
Il-mumenti drammatiċi seħħew ġo kumpless bl-isem South Hedland Square centre, bix-xhieda jirrakkuntaw li ‘raw raġel qed ixejjer is-sikkina lejn xerrejja fost it-twerżiq u l-istorbju’. Ingħad ukoll li r-raġel, l-ewwel, hedded lil mara b’tarbija qabel beda jdur fiċ-ċentru u jagħti s-salt lejn persuni oħra fil-viċinanzi.
Ma kienx magħruf l-iskop tal-attakk iżda ma jidhirx li l-aggressur ‘kien qed jaġixxi bħala militanti Iżlamiku’. Ingħad biss li r-raġel maqtul kien magħruf mal-pulizija, bl-identità tiegħu, sal-bieraħ, tibqa’ mhix żvelata.
Il-pulizija kienu wieġbu minnufih għall-emerġenza, fost rapporti li l-aggressur inqatel wara li kien injora d-direttivi tal-uffiċjali biex iċedi. Ingħad li r-raġel spiċċa jħebb għall-pulizija, li, fil-bidu, użaw it-tasers biex irażżnuh u li ma kenux effettivi. Fl-akbar mument ta’ periklu, wieħed mill-uffiċjali tal-liġi kien kostrett juża l-arma tan-nar fuq l-aggressur, li miet fuq il-post, ftit wara.
Il-pulizija, fl-aħħar sigħat, kienet qed tinvestiga ċ-ċirkustanzi ta’ feriment ġewwa l-kumpless ta’ South Hedland, li tifforma parti mir-reġjun ta’ Pilbara. Il-maġġoranza tar-residenti f’dik il-belt u l-madwar huma impjegati mas-settur tal-minjieri u ma industriji oħrajn relatati.
//= $special ?>