Coronavirus Lokali

“Hemm bżonn li l-Gvern jaġixxi issa” – MDA

“Bħala sid il-kera, l-Gvern għandu jimxi bl-eżempju”

“Il-Gvern irid jibda jżomm ma’ dak li ta x’jifhem li ser iwettaq”.

Dan saħqitu l-Assoċjazzjoni Żviluppaturi Maltin fejn spjegat li l-Gvern għandu jżomm mad-diskors li kien qal fil-bidu ta’ din il-kriżi pandemika li pajjiżna spiċċa jħabbat wiċċu magħha, jiġifieri li s-sidien tal-kera kif ukoll il-kerrejja jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja.

Fis-sitwazzjoni preżenti, l-MDA spjegat li bosta negozjanti u sidien tal-kera segwew l-istruzzjonijiet tal-Assoċjazzjoni u għaldaqstant volontarjament għamlu arranġamenti temporanji mal-kerrejja tagħhom, kemm kummerċjali kif ukoll residenzjali u għaldaqstant raħsu b’mod sinnifikanti l-ħlas tal-kera.

Ritratt: Matthew Tabone

Filwaqt li nnotaw li dawn l-arranġamenti salvaw lil numru ta’ familji milli jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom jew negozji milli jfallu, l-MDA sostniet li l-Gvern għandu jagħmel il-parti tiegħu wkoll f’dan l-aspett partikolarment fil-qasam kummerċjali.

L-Assoċjazzjoni saħqet li numru ta’ businesses u stabbilimenti kummerċjali li għandhom kirjiet mal-Gvern, inkluż fost oħrajn dawk li għandhom x’jaqsmu mal-Awtorità tal-Artijiet, għadhom ma bbenefikaw xejn mingħand il-Gvern u għadhom qed iħallsu kirjiet bl-istess rati qabel ma’ faqqgħet il-pandemija ta’ Covid-19, “Bħala sid il-kera, il-Gvern għandu jimxi bl-eżempju”.

Għaldaqstant, l-MDA appellat lill-awtoritajiet sabiex isibu rimedju urġenti għal din is-sitwazzjoni l-għaliex spjegat li hemm numru ta’ negozji li għandhom bżonn isirlhom tnaqqis fl-ispejjeż tagħhom bil-għan li jsalvaw mill-falliment.