Il-Grand Prix tal-Ungerija li hi skedata li ssir f’Awwissu fiċ-ċirkwit ta’ Hungaroring mistennija ssir mingħajr spettaturi. Il-Gvern Ungeriż ħabbar li avvenimenti b’aktar minn 500 persuna se jibqgħu sospiżi sal-15 ta’ Awwissu, ġimagħtejn wara d-data tal-Grand Prix tal-Ungerija.
L-uffiċjali ta’ Hungaroring qalu li b’hekk l-avveniment bl-ispettaturi mhux aktar possibbli iżda għadhom ottimist li jorganizzaw il-Grand Prix bil-bibien magħluqa. Iż-żewġ avvenimenti ta’ qabel, jiġifieri t-tlielaq fl-Awstrija u r-Renju Unit, ukoll qed jaħsbu fuq pjanijiet simili. Il-Formula 1 qed timmira li tibda l-istaġun fil-5 ta’ Lulju fl-Awstrija.
Fi stqarrija, l-organizzaturi qalu li qed ikomplu jaħdmu mat-tmexxija tal-Formula 1 biex jippruvaw isibu mod kif jagħmlu l-organizzazzjoni tal-Grand Prix possibbli. Huma offrew lill-partitarji ċ-ċans li jittrasferixxu l-biljett għas-sena d-dieħla jew jitolbu l-flus lura. Il-Grand Prix popolari tal-Ungerija ilha ssir kull sena f’Budapest mill-1986.
//= $special ?>