Coronavirus Edukazzjoni Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa Xjenza u Teknoloġija

“Il-Gvern jeħtieġ joffri pakkett aktar ġeneruż t’għajnuna u sostenn lin-negozji”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u x-Xogħol appella lill-Gvern sabiex jinvesti f'niċeċ ġodda fl-ekonomija li jżommuha f'saqajha fi kriżijiet bħal dawn

“Il-prodott Malti rridu nibżgħu mingħajr ma nħalluh għal riħ billi nippromwovu l-ġenwinità ta’ dan il-prodott ħalli fost l-oħrajn ikollna garanzija ta’ sigurtà fuq l-ikel. Dan billi l-Gvern joffri pakkett aktar ġeneruż t’għajnuna u sostenn lin-negozji Maltin biex isalvaw kemm jista’ jkun impjiegi.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, it-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, Clyde Puli, waqt il-konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem, li qiegħda tiġi ċċelebrata f’kuntest differenti.

Dan fid-dawl ta’ survey tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, 80% ta’ dawk li pparteċipaw qalu li l-pakkett ta’ miżuri ekonomiċi tal-Gvern mhuwiex effettiv biżżejjed.

Clyde Puli rrimarka kif ċerti negozji mhux se jifilħu jerġgħu jqumu minn din il-kriżi ekonomika li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, b’oħrajn li joffru servizzi anċillari lil negozji li twaqqfu ħesrem fost l-oħrajn, bħan-negozji tal-catering li joffru servizzi lil-linji tal-ajru.

Id-deputat Nazzjonalista esprima s-solidarjetà tiegħu u tal-Oppożizzjoni ma’ dawk kollu li ntlaqtu b’xi mod jew ieħor mill-pandemija tal-COVID-19.

Huwa tenna kif din il-Konferenza hija parti minn proċess ta’ djalogu li l-Partit Nazzjonalista ilu għaddej bih f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur għaliex jemmen li l-politika għandha tkun hemm biex tisma u taġixxi fuq il-karbiet u l-ħtiġijiet tan-nies.

Fost dawk li ltaqa’ magħhom kien hemm il-ħaddiema, dawk li jħaddmu, l-istudenti ħaddiema part t-time u l-iskejjel tal-Ingliż fost l-oħrajn li lkoll ħassew din id-daqqa. L-iskejjel tal-Ingliż b’mod speċjali, minkejja li ma kellhomx sensji sa issa, ma jafux kemm jistgħu jifilħu aktar.

Wieħed irid jiftakar li f’pandemija bħal din, ħadd ma jkun sigur sakemm kulħadd huwa sigur, kompla jgħid Clyde Puli. F’kriżi bħal din li affettwat is-saħħa fiżika u mentali ta’ kulħadd, il-prattiċi ġodda ta’ social distancing biddlu l-mod ta’ kif is-soċjetà Maltija tikkomunika, il-mod kif il-ħaddiema u l-istudenti jaħdmu u jistudjaw mid-dar b’għodda virtwali kif ukoll taw nifs ġdid lin-natura.

Minkejja li dawn huma affarijiet li jistgħu jkunu pożittivi, id-deputat Nazzjonalista rrimarka kif il-pandemija ġabet magħha aktar solitudni u domandi kbar għall-food banks. Din is-sitwazzjoni mistennija tippersisti u titwal hekk kif m’aħniex se nirritornaw lura għan-normal daqshekk malajr, tal-anqas sakemm jiġi skopert vaċċin.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni tenna li dawn il-prattiċi ġodda fid-dinja tax-xogħol se jsiru n-normal ta’ kuljum u għalhekk il-ħtieġa ta’ pjan ekonomiku serju li jieħu lil pajjiżna lil hinn mill-pandemija, biex inkunu fuq quddiem fir-4 rivoluzzjoni industrijali mbassra fir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali.

Għalhekk, il-pajjiż jeħtieġ ikun kreattiv biex jerġa’ joħloq lilu nnifsu mill-ġdid, fosthom b’investimetn fl-ekonomija diġitali, mingħajr ma jintilfu l-kapaċitajiet tal-istudenti li jiggradwaw. Clyde Puli fakkar fil-ħtieġa li kulħadd jkollu d-dritt għall-aċċess tal-internet u b’hekk tixxejjen l-firda diġitali.