Internazzjonali

Il-Libja: Appell mill-Emirati Għarab għall-paċi… iżda l-ebda kritika għal Haftar

L-Emirati Għarab Magħquda sejħet biex il-gruppi armati avversarji fil-Libja jikkommettu għall-proċess politiku li hu sponsorjat min-Nazzjonijiet Uniti, bit-tama li tintemm il-gwerra ċivili fil-pajjiż Afrikan. L-Emirati, fl-istess ħin, ‘sellmet’ lill-Armata Libjana tal-Lvant, immexxija mill-Ġeneral Khalifa Haftar, li ilha aktar minn sena tassedja lill-Gvern Libjan għall-Għaqda fi Tripli.

L-Emirati Għarab ma kkummentatx direttament dwar id-dikjarazzjoni ta’ Haftar, fil-bidu tal-ġimgħa, fejn qal li l-Armata tiegħu għandha ‘taħtaf il-poter’ fil-Libja’. Il-kummenti ta’ Haftar, effettivament, ġabu fix-xejn il-ftehim politiku tal-2015 li kien il-bażi għall-isforzi internazzjonali lejn paċi fost il-Libjani.

Fil-fatt, l-Emirati Għarab anki faħħret lill-Armata ta’ Haftar ‘għall-azzjonijiet kontra t-terroriżmu (fil-Libja)’ L-istqarrija, fl-istess ħin, ‘ikkundannat l-intervent militari tat-Turkija’ b’appoġġ għall-Gvern Libjan għall-Għaqda bbażat fi Tripli u li jgawdi r-rikonoxximent tan-NU.

Madankollu, l-Emirati qed tappoġġja soluzzjoni għal-Libja li tibbaża fuq il-Konferenza li saret f’Berlin — fejn ħareġ l-appell ‘biex l-entitajiet Libjani kollha jikkommettu għall-proċess politiku (għal-Libja) taħt is-superviżjoni tan-NU’.

Min-naħa tagħha, it-Turkija qalet li l-Emirati qed tuża ‘politika b’żewġt uċuħ’ u akkużatha b’li qed tagħti sostenn ‘lill-ġellieda li pruvaw għal kolp ta’ stat fil-Libja. Dan meta t-Turkija ffirmat ftehim għal kooperazzjoni militari biex tgħin lill-Gvern fi Tripli jiddefendi ruħu quddiem l-assalti tal-qawwiet ta’ Haftar.

It-Tmexxija f’Ankara wissiet lill-Emirati Għarab ‘biex tirrispetta u tagħraf il-pożizzjoni tagħha u biex ma taddottax atteġġjament ostili fir-rigward tat-Turkija’.