Coronavirus Lokali

Il-PN jirringrazzja mill-ġdid lill-frontliners

Il-Partit Nazzjonalista qassam apprezament żgħir b’ringrazzjament lill-ħaddiema kollha li bħalissa jinsabu fl-ewwel filliera fil-ġlieda kontra l-Coronavirus.

B’dan il-ġest simboliku, għadd ta’ voluntieri qassmu prodotti tal-ħelu lill-ħaddiema fl-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, fil-Korp tal-Pulizija, fl-Isptar Mater Dei, fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u fid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika … prodotti li sajru huma stess. Saret żjara wkoll lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications.

Mal-voluntieri marru wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo. Huma ħadu l-okkażjoni biex jirringrazzjaw mill-ġdid lill-frontliners għall-ħidma tagħhom.

Adrian Delia qal li l-ħaddiema huma l-qalb u l-mutur ta’ kull entità u għalhekk ħaqqhom kull ringrazzjament possibbli mingħand il-politiċi. Qal li mhux qed jipprova jħallas lill-frontliners – għax il-ħidma tagħhom hi imprezzabbli – iżda rigal żgħir bħal dan għandu jnaqqas mill-morr li qed toffri s-sitwazzjoni attwali.