Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

L-istabbilimenti kummerċjali se jinfetħu minn nhar it-Tnejn; trid tilbes maskra

"Il-virus għadu magħna u għadu jista' jwassal għall-imwiet" - Chris Fearne

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi Il-Gvern se jibda jnaqqas il-miżuri restrittivi – minn nhar it-Tnejn, l-istabbilimenti kummerċjali se jerġgħu jiftħu.

Waqt konferenza li saret f’Kastilja, Robert Abela qatta’ ħin twil jitkellem fuq il-pożittività u t-tama.

Il-Prim Ministru Abela qal illi hu kburi li “iż-żmien tah raġun”.

Hu qal li salva l-impjiegi, mingħajr ma semma’ ż-żieda fil-qgħad.

Filwaqt li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne stqarr li l-virus għadu magħna, il-Prim Ministru insista li “bdejna t-triq lejn in-normalità”.

Il-pjan hu li fi żmien tliet ġimgħat ikomplu jitneħħew aktar miżuri restrittivi, sabiex sal-aħħar ta’ dan ix-xahar il-maġġoranza tal-attività ekonomika tkun infetħet.

Mit-Tnejn se jiftħu l-banek tal-Lottu, l-istazzjonijiet tal-VRT, ġojjelerija, ħwienet tal-ħwejjeġ, taż-żraben, tan-nuċċalijiet, tal-fjuri, tal-għamara u anke discount stores. F’dawn il-ħwienet, il-konsumaturi u l-impjegati jridu jilbsu maskra u jinżammu d-distanzi soċjali. Fil-fatt, se jitħalla jidħol persuna waħda biss kull 10 metri kwadri.

Fil-ħwienet tal-ħwejjeġ mhux se jitħallew jintużaw changing rooms.

L-ajruport se jibqa’ magħluq, għalkemm se jinfetaħ l-ivjaġġar bejn Għawdex u Malta (b’kontroll fuq in-numri).

Salons se jibqgħu ukoll magħluqin.

Servizzi tas-saħħa li se jibdew mill-ġdid:

  • Se jerġa’ jibda t-tilqim għat-tfal miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha madwar Malta
  • Mit-Tnejn jibda l-iscreening kontra l-kanċer
  • Ikomplu t-testijiet tal-musrana f’Mater Dei