1 TA’ MEJJU 1994
Illum hu s-26 anniversarju mill-mewt tas-sewwieq tal-Formula 1 Ayrton Senna. Il-Brażiljan miet fl-età ta’ 34 sena wara inċident li kellu waqt il-Grand Prix ta’ San Marino fiċ-ċirkwit ta’ Imola. Waqt it-tielet Grand Prix tal-istaġun, fis-seba’ dawra, Senna ħabat ma’ ħajt tal-konkrit fil-kurva magħrufa bħala tamburello. It-tellieqa twaqqfet fis-seba’ dawra hekk kif mill-ewwel sinjali, deher l-inċident kien wieħed serju u Senna kien jinsab f’kundizzjoni gravi.
Il-mediċi ħarġu wara ftit sekondi biex jippruvaw joħorġuh mill-karozza u nstab li kellu ġrieħi kbar f’rasu, tant li malli neħħewlu l-crash helmet, ħareġ ħafna demm fuq it-tarmac. Hu ttieħed minnufih b’ħelikopter fl-Isptar Maggiore ta’ Bologne iżda s-sewwieq qatt ma ħareġ mill-koma profonda. Erba’ sigħat wara l-inċident, it-tobba u l-ispejċalisti, il-Professur Alvaro Andreoli u l-Professoressa Maria Teresa Fiandi ddikjaraw li minħabba l-ġrieħi li kellu f’rasu, kien inutli li ssirlu operazzjoni u għalhekk iddikjaraw lis-sewwieq ta’ Williams klinikament mejjet.
Senna kien għamel id-debutt fil-Formula 1 fl-1984 mat-tim Toleman. Wara tliet staġuni ma’ Lotus, Senna ngħaqad ma’ McLaren fl-1988. Fis-sitt staġuni li dam magħhom, il-Brażiljan rebaħ il-kampjonat tliet darbiet, f’żewġ okkażjonijiet spiċċa t-tieni u fi staġun ieħor spiċċa fir-raba’ post.
//= $special ?>