Coronavirus Futbol Sport

Ir-ritorn tal-Bundesliga pospost b’ġimgħa

(Ritratt: EPA)

Id-data tas-16 ta’ Mejju hi l-aktar data viċina biex jirritorna l-futbol fil-Ġermanja wara li d-deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-Bundesliga ġiet posposta għall-ġimgħa d-dieħla. Il-kampjonat Ġermaniż ilu sospiż għal madwar xahar u nofs u d-deċiżjoni importanti kienet mistennija tittieħed din il-ġimgħa, bil-possibbiltà li l-kampjonat ikompli fid-9 ta’ Mejju.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Bundesliga Christian Seifert qal li jekk għandhom jibdew fid-9 ta’ Mejju huma lesti u jekk jibdew aktar tard se jerġgħu jkunu lesti. Seifert kien fil-proċess li jiffinalizza miżuri ta’ saħħa u sigurtà mal-klabbs tal-ogħla żewġ diviżjonijiet biex il-logħbiet mingħajr spettaturi jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jilagħbu.

Total massimu ta’ 213-il uffiċjal se jitħallew jidħlu fl-istadium waqt il-logħob filwaqt li 109 oħra fosthom membri tas-sigurtà, se jkunu barra l-istadium biex jaċċertaw li l-partitarji ma jinġabrux barra. Il-plejers se jkunu eżaminati minn grupp ta’ persuni tas-saħħa u s-sigurtà.