“F’pajjiżna għandna ġojjelli kbar iżda l-akbar waħda fosthom hija r-riżorsa umana, li ta’ kuljum mhux biss tikkontribwixxi lill-familji u lis-soċjetà minn fuq il-post tax-xogħol iżda hija l-akbar kontributur tal-ekonomija Maltija ta’ kuljum.”
Saħaq dan il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Soċjetà Diġitali, Ivan Bartolo, meta kien qed jindirizza l-Konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem tal-Partit Nazzjonalista.
Bartolo fakkar kif l-ewwel intervent tiegħu f’attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista kienet propju f’Jum il-Ħaddiem tal-2007, fi żmien li l-operat tal-kumpanija privata, li tagħha kien sid, kienet għaddejja minn espansjoni grazzi għall-isħubija fl-Unjoni Ewropea u grazzi anki għall-fatt li sa dak iż-żmien, kellu reputazzjoni ekonomika u fiskali ta’ ġieħ.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kompli jfakkar kif grazzi għas-sħubija, din il-kumpanija mhux biss kellha l-kapaċità li timpjega liiż-żgħażagħ bieżla Maltin iżda anki tiftaħ l-operat tagħha madwar l-istess Unjoni u timpjega liċ-ċittadini Ewropej.
Ivan Bartolo qal li dan kien kollu possibbli grazzi għall-klima nadifa li sab taħt Gvern Nazzjonalista fil-kummerċ, fejn ħadd ma kien jiddubita mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Apparti minn hekk, kien hemm l-għodda ukoll għal dan, b’qafas ta’ liġijiet li jinkoraġixxu l-kummerċ, infrastruttura u strumenti finanzjarji tajba, kif ukoll ħaddiema Maltin bil-ħiliet edukattivi neċessarji għad-domanda fis-suq tax-xogħol grazzi għall-investiment fl-Università.
Il-politiku għalhekk jrid joffri din il-pjattaforma u Ivan Bartolo tenna li issa huwa ċ-ċans li wieħed jifli l-ħtiġijiet ekonomiċi tal-pajjiż biex mhux biss l-ekonomija tirpilja u tikber mill-ġdid wara l-kriżi ekonomika li ġabet magħha l-COVID-19. iżda anki l-Maltin ikollhom impjiegi ta’ kwalità li jagħtu serħan il-moħħ lill-familji tagħhom.
Id-deputat Nazzjonalista fakkar kif f’7 snin, il-Gvern Laburista ma ħoloq l-ebda niċċa ekonomika ġdida u għalhekk temm jesiġi li pajjiżna jrid jerġa’ jivvinta lilu nnifsu wara dawn is-senji kollha, kemm f’xogħlijiet full time u part time.
Dan billi jsib niċeċ ekonomiċi ġodda u joħloq industriji ġodda bħalma għamel il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fil-farmaċewtika, is-servizzi finanzjarja, l-informatika u l-igaming. Jekk il-Gvern jonqos li għamel dan, il-Partit Nazzjonalista se jkun hemm bil-proposti konkreti biex l-ekonomija tirritorna fuq saqajha.
//= $special ?>