Ir-Russja rappurtat qabża rekord fl-infezzjonijiet bil-coronavirus għal jum wieħed. Dan wara l-konferma li l-Prim Ministru Russu, Mikhail Mishustin, ħabbar li spiċċa infettat hu wkoll u li, għalissa, qed iwarrab mir-rwol biex jirkupra.
Iż-żieda ta’ infezzjonijiet kienet ta’ 7,933 f’24 siegħa u għal total ta’ 114,431 fil-pajjiż. F’dan il-perjodu mietu 96 pazjent mill-effetti tal-Covid-19, biċ-ċifra tal-vittmi fir-Russja titla’ għal 1,169.
Il-Viċi-Prim Ministru Russu, Andrei Belousov qed jaqdi r-rwol ta’ Prim Ministru f’kariga proviżorja wara li Mishustin informa lill-President Russu, Vladimir Putin, dwar il-ħtieġa li jgħix f’iżolament sakemm ifiq mill-virus. Mishustin kien wieħed mill-koordinaturi ewlenin fil-kampanja li qed tmexxi r-Russja kontra l-coronavirus ġdid.
Il-każi ta’ infezzjoni jidhru li qabdu rata allarmanti fir-Russja fl-aħħar ġimgħat, bil-President Putin iwissi li pajjiżu għad irid jara l-agħar tal-pandemija.
L-awtoritajiet lokali qalu li kapaċi jkun hemm spinta fil-każi ta’ infezzjoni jekk iċ-ċittadini Russi jabbużaw il-miżuri tal-lockdown matul il-vaganzi pubbliċi twal fil-pajjiż li huma skedati għall-ewwel parti tax-xahar.
Ir-Russja hi l-akbar pajjiż tad-dinja f’termini ta’ territorju u ilha fuq lockdown mindu Putin, f’Marzu, ħabbar l-għeluq ta’ ħafna zoni pubbliċi biex jillimita l-firxa tal-coronavirus. Għalissa, il-President Russu u l-membri tal-Kabinett qegħdin jiddiskutu l-politika permezz ta’ metodi li jevitaw il-kuntatt personali.
//= $special ?>