Lokali

Jum il-Ħaddiem imtappan bi traġedja oħra fuq il-post tax-xogħol

Il-Partit Nazzjonalista juri s-sogħba tiegħu għall-ħaddiem li lbieraħ tilef ħajtu traġikament waqt li kien qed jagħmel xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni fl-Imġarr. Din l-aħbar propju waslet lejliet Jum il-Ħaddiem, jum li fih niċċelebraw ħidmet il-bniedem, iżda sfortunatament flok niċċelebraw, qegħdin nitkellmu dwar traġedja oħra marbuta mal-post tax-xogħol. Tul din is-sena biss, din hi t-tieni traġedja marbuta mal-qasam tal-kostruzzjoni u dan wara li f’Marzu li għadda ġġarrfet dar fil-Hamrun fejn tilfet ħajjitha persuna.

Fi stqarrija ffrimata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Kevin Cutajar, il-Partit Nazzjonalista, bla ma jidħol fil-mertu ta’ inċidenti partikolari, innota li f’pajjiżna għad fadal aktar xi jsir dwar il-protezzjoni tal-persuna f’postijiet tax-xogħol, speċjalment fejn il-livell tal-periklu hu elevat bħal fil-qasam tal-kostruzzjoni. L-ewwel u qabel kollox, hu importanti li l-ħaddiema stess jieħdu ħsieb il-protezzjoni, iżda hu aktar u aktar importanti li l-Gvern jiddedika r-riżorsi adekwati biex jara li jitfasslu u jiġu osservati r-regolamenti adattati.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li hu dritt ta’ kull ħaddiem li jwettaq xogħlu f’ambjent sigur. Iżda jfakkar ukoll li hu daqstant ieħor importanti li l-pubbliku in ġenerali jkun protett mill-perikli li jistgħu jiġu minn postijiet tax-xogħol. Hu b’hekk biss li Malta tkun qed timxi skond l-ispirtu ta’ Jum il-Ħaddiem.