“Jum il-ħaddiem huwa jum ta’ ċelebrazzjoni lejn il-ħaddiema kollha taghna f’kull settur. Għaliex il-ħaddiem Malti kull jum tas-sena juri li huwa ħaddiem li jixraqlu tifħir u ringrazzjament.”
Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza seminar organizzat mill-PN fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.
Adrian Delia qal li din is-sena, fil-ġurnata li fiha niċċelebraw il-haddiem, li fiha nharsu b’aktar attenzjoni lejn id-dinja tax-xogħol qed niċċelebrawha f’ċirkostanzi straordinarji. Huwa qal li f’dan iż-żmien tal-pandemija, in-natura qed twasslilna l-messaġġ li meta niġri ‘l quddiem kemm nifilħu u bla direzzjoni rridu nbiddlu l-mod tagħna. Dan meta fl-istess ħin li qegħdin niġġieldu virus li jattakka s-sistema respiratorja tagħna, qegħdin nirreġistraw tnaqqis sostanzjali fil-livell tat-tniġġis fl-arja. B’dan kollu d-dinja tagħna qed tgħidilna li wasal iż-żmien għal rivoluzzjoni ġdida.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tenna li fil-preżent fid-dinja tax-xogħol, 70% huma ħaddiema u 30% huma self employed u bit-tibdil li qegħdin indaħħlu fid-dinja tax-xogħol tagħna, bl-użu wkoll tal-għodod diġitali f’dan iż-żmien tal-pandemija, dak li kien imbassar li se jiġri sas-2050, li dawn il-persentaġġ jinqalbu u jkollna l-maġġoranza self employed issa huwa imbassar li jiġri qabel sas-sena 2030. Dan ikun ifisser ukoll bidliet f’oqsma importanti fid-dinja tax-xogħol bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prekarjat, meta l-maġġorparti se jkunu self employed.
Adrian Delia rrimarka li l-kejl ekonomiku tagħna m’għandux jibqa’ biss fuq is-surplus u l-GDP imma għandu jkun ukoll fuq il-wellbeing u l-istil ta’ ħajja tal-ħaddiema tagħna. Dan meta nisimgħu lill-Gvern jitkellem fuq in-numri imbagħad il-ħaddiema u l-familji tagħhom ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja b’impatt negattiv fuq il-livell tal-għajxien tagħhom. Huwa saħaq għandu jkollna politika parteċipattiva fejn iċ-ċittadini tagħna jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom fis-setturi differenti tagħhom, opinjonijiet li għandna nifhmu u nixtarru.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif dawn iż-żminijiet kienu l-opportunità li nifhmu li għandna ninvestu aktar fil-ħaddiema fis-settur mediku tagħna, opportunità li naraw li ninvestu ferm aktar fis-settur tas-saħħa u l-l-flus tan-nies ma nagħtux lil min ma nafux u jaħrab bihom, iżda ninvestu fl-aqwa pjattormi u għodod biex inħajru iżjed żgħażagħ f’settur daqstant prezzjuż.
Matul dan is-seminar li tmexxa mill-President tal-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista Ivan Castillo, pparteċipaw numru ta’ ħaddiema minn setturi differenti, li lkoll taw l-opinjonijiet tagħhom dwar is-setturi li jaħdmu fih. Is-seminar kien indirizzat ukoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Dinja tax-Xogħol Clyde Puli, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Soċjetà Diġitali Ivan J Bartolo u s-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech.
Clyde Puli qal li din il-pandemija li laqtet li kulħadd daħħlet prattiċi ġodda li rridu naddattaw għalihom bħalma hija s-social distancing, kif nikkomunikaw, l-elearning għat-tagħlim u iżjed ħaddiema li qed jaħdmu mid-dar. Sfortunatament rajna wkoll id-digital divide, żidiet fis-solitudni u daqqiet kbar f’setturi ekonomiċi ferm importanti bħat-turiżmu u n-negozji. Huwa qal li sakemm nirritorna għan-normalità jista’ jkun li jiddaħħlu realtajiet ġodda li jsiru the new normal, dan meta konna diġà qegħdin nitkellmu fost l-oħrajn fuq l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Clyde Puli qal li għandna bżonn pjan ekonomiku u soċjali li jeħodna lil hinn mill-pandemija biex ma nitifilux il-ħiliet tal-istudenti u tal-ħaddiema u jkollna l-ħolqien ta’ postijiet ġodda tax-xogħol.
Ivan Bartolo qal li l-ikbar ġojjell li għandu pajjiżna huma l-ħaddiema tagħna li jagħtu kontribut kbir lejn il-familji, s-soċjetà u l-ekonomija. Huwa qal li l-irwol tal-Gvern għandu jkun li joffri l-aqwa klima għall-kummerċ, fejn pajjiżna jgawdi minn reputazzjoni u intergità tajba kif kellna fil-passat, li jagħti l-aħjar għodod, b’policies u liġijiet, infrastruttura u edukazzjoni tal-ogħla livell, bi strumenti finanzjarji tajbin u b’inċentivi. Ivan Bartolo qal li wara l-COVID-19 irridu naraw li nerġgħu niġri ‘l quddiem biex inkabbru l-ekonomija u nattiraw industriji alternattivi ta’ kwalità bl-aqwa opportunitajiet tax-xogħol.
Francis Zammit Dimech qal li Jum il-Ħaddiem din is-sena waslet fi żmien li mhux faċli bi sfidi fuq l-għixien tal-ħaddiema u b’effett fuq ix-xogħol. Huwa qal li dan huwa mument fejn irridu nisimgħu mingħand il-ħaddiema, għaliex huma flimkien mal-familji tagħhom huma kruċjali fil-formulazzjoni tal-politika tal-PN. Francis Zammit Dimech qal li l-ekonomija hija strument għall-bniedem u għall-ġid tal-familji u rridu nħarsu lejn pajjiżna wara l-COVID-19 b’messaġġ ta’ tama u kuraġġ kbir.
//= $special ?>