L-eks champion tad-dinja Peter Ebdon ħabbar li hu kostrett jirtira mis-snooker professjonali minħabba problemi kroniċi f’għonqu. Ebdon li għandu 49 sena, rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja fi Crucible Theatre fl-2002 wara li għeleb lil Stephen Hendry 18-17 fil-finali.
Id-deċiżjoni ttieħdet biex jevita operazzjoni fl-ispina. Hu kellu MRI madwar seba’ ġimgħat ilu u rriżulta problema fl-għonq. Ebdon ammetta li għandu l-għadam fl-ispina qed jiddeterjoraw u ilu bl-uġigħ minn żmien il-Milied.
“Tnejn mill-vertebri għandhom bżonn jinbidlu, operazzjoni li ma nixtieqx li nagħmel għaliex jekk tmur ħażin nista’ nkun f’siġġu tar-roti għall-kumplament ta’ ħajti. Hi riskjuża. Il-professur spjegali li ma jkunx hemm kura. Tista’ taħdem imma tista’ tmur għall-agħar u probabbli jkolli bżonn operazzjoni oħra f’għaxar snin,” qal Ebdon. ‘The Force’ kif inhu mlaqqam, kompla li l-unika ħaġa li ma jistax jagħmel jekk ma joperax ruħu, hi li jerġa’ jilgħab snooker minħabba l-pressjoni fuq għonqu. Hu qal li f’dan il-mument jista’ jitkellem u jimxi u l-uġigħ naqaslu ftit.
Fil-karriera tiegħu, Ebdon rebaħ tmien tournaments ta’ ranking fosthom il-Kampjonat tar-Renju Unit fl-2006. Hu anki wasal sat-tielet post fil-klassifikazzjoni dinjija u l-aħħar tournament li rebaħ kien fl-Open taċ-Ċina tal-2012. L-aħħar logħba tiegħu kienet fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni fil-Masters tal-Ġermanja liema tournament kien kostrett jirtira minnu minħabba li kien imweġġa’.
//= $special ?>