Coronavirus Lokali

Il-konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem organizzata mill-Partit Nazzjonalista

Matul l-għodwa tal-Ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista qiegħed ifakkar Jum il-Ħaddiem b’konferenza li fiha qed jitkellmu bosta ħaddiema minn oqsma differenti mid-dinja tax-xogħol u tintemm bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia.

10:45 – Tibda l-konferenza ppreżentata mill-President tas-Solidarjetà Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista, Ivan Castillo.

10:47 – Jiftaħ l-ewwel diskorsi fil-konferenza s-Segretarju Ġenerali, Francis Zammit Dimech.

10:55 – Il-bidwi, Stephen Galea, saħaq li l-Gvern irid jibża’ għall-bdiewa u r-raħħala sabiex dan il-qasam tax-xogħol jiġi vijabbli. Jiġi żmien li tfittex u ma ssibhomx. Għalhekk għandna nippromwovu l-prodott Malti u l-biedja ssir sostenibbli għall-ekonomija. Semma l-problema li l-ulied Maltin mhux qed jaraw futur fil-biedja u għalhekk għandna nippromwovu din is-sengħa.

10:58 – L-imprenditur, Kurt Bonello, appella lill-pubbliku sabiex iħarsu lejn il-kriżi tal-COVID-19 b’mod pożittiv fid-dawl li n-negozji qed jeqilbu l-operat tagħhom online u l-ħaddiema issa qed jaħdmu bit-teleworking mid-dar. Għalhekk qed jaraw kif jerġgħu jiskopru u joħolqu n-negozju li jmexxi mill-ġdid.

11:00 – It-tieni sett ta’ kelliema nfetaħ mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Diġitali, Ivan Bartolo.

11:08 – L-infermiera fl-Isptar Mater Dei, Courtney Farrugia, raddet ħajr lill-Maltin kollha li qegħdin mal-frontliners. li mhumiex biss dawk fil-qasam tas-saħħa biss. Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa qed jaħdmu f’ambjent tax-xogħol aktar stressanti. Bħala kunsilliera kellha tnaqqas mill-impenn tagħha ħabba f’hekk. Hija qed toqgħod ‘il bogħod mill-familjari tagħha biex tipproteġihom. Saħħqet li l-Gvern kellu jippjana aħjar qabel fil-qasam tal-infermieri, hekk kif ilha 4 snin fil-qasam f’xenarju ta’ understaffing. B’hekk l-importanza biex jitrawwmu it-tfal u ż-żgħażagħ minn eta tenera biex iħobbu din il-professjoni u jagħżluha bħala karriera. Fakkret kif kienet anki s-sħubija fl-Unjoni Ewropea li għenet biex isaħħew ir-riżorsi fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna. Temmet tfakkar lill-pubbliku biex jimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex il-pandemija tal-COVID-19 titbaxxa aktar milli hi.

11:13 – L-imprenditur, Andrew Farrugia, uża dan il-messaġġ biex jirrifletti fuq is-sinifikat tal-ħaddiem fl-ekonomija u anki fl-iżvilupp soċjali tal-pajjiż. Il-kumpanija tipproduċi affarijiet relatati ma’ pajjiżna u b’mod oġġettiv jaraw is-sitwazzjoni f’Malta tinbidel, kemm għall-aħjar u għall-agħar, u tbassar it-triq ‘il quddiem artistikament, billi jaraw ir-relazzjoni bejn il-bżulija u l-estetika Maltija. Fakkar kif ftit jiem qabel ma faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna, kellhom jiftħu negozju ġdid fil-Belt u issa kellhom jagħlqu n-negozju f’tas-Sliema u jaħdmu b’mod remot mid-dar. B’hekk, b’mod mgħaġġel, kellhom jaddattaw għas-sitwazzjoni u għażlu li jinvestu xorta waħda fin-negozju li kellhom jiftħu fil-Belt. Irriflettew anki fuq l-eżistenza tan-negozju, tal-irwol tal-ħaddiema tagħhom fuq il-post tax-xogħol u qegħdin iħarsu ‘l quddiem għas-sitwazzjoni wara l-COVID-19.

11:19 – L-ekonomista, Philip Von Brockdorff, qal li l-ekonomija t’għada, anki f’sitwazzjoni normali, trid tkun differenti ħafna li konna mdorrijin fiha bi tkabbir ekonomiku straordinarju. Biex iseħħ dan, apparti ta’ ristrutyturar u investiment, iridu jsiru aġġustament u tgħaddi minn trażizzjoni. Ma nistgħux niddependu fuq setturi li jiffriżaw kompletament b’sitwazzjoni bħal din, fosthom it-Turiżmu. Huwa impossibli li nilħqu t-2.5 miljun turist anki s-sena ddieħla għaliex huwa l-aħħar settur li jirkupra. Is-settur tal-kostruzzjoni, apparti l-interessi ambjentali u tal-komunitajiet, jiddependi mill-interess tal-iżviluppatur u wieħed irid jara x’domanda se jkun hawn wara, u xi żviluppi se jkun hawn. Issa hija l-opporutnità li t-teleworking isir b’mod permanenti mid-dar. Fost l-effetti pożittivi, ikun hawn inqas nies jivvjaġġaw għax-xogħol.Von Brockdorff appella biex ninvestu f’setturi ġodda iżda dan jirrikjedi perjodu ta’ tranżizzjoni, partikolarment meta wieħed jixtri online minflok mill-istabbilimenti kummerċjali. Dawn għandhom jilqgħu l-isfida tal-era diġitali u joħolqu pjattaforma online tal-prodotti li jbiegħu. Saħaq li l-flessibbiltà hija importanti iżda mingħajr ma jittiefsu d-drittijiet tal-ħaddiema. Temm jgħid li l-isħubija fl-Unjoni Ewropea kienet tant important anki f’dawn iż-żminijiet, peress li l-fondi disponibbli se jilqgħu l-impatti tal-COVID-19 u jgħinuha tirkupra.

11:26 – L-ekonomista, JP Fabri, qal li huwa kruċjali li f’dan iż-żmien naħsbu f’viżjoni għall-pajjiżi li jippreparaw għal sfidi ġodda fil-futur. L-ekonomija f’pajjiżna se tgħaddi minn burraxki fiż-żmien li ġej u għalhekk il-viżjoni għandha tkun fuq 4 pilastri. L-ewwel, it-teknoloġija biex din tintuża f’kull settur. It-tieni hija l-edukazzjoni u saħaq li għandna naraw mhux biss il-ħiliet tal-ħaddiema iżda nippreparaw lill-istudenti għall-ekonomija t’għada. It-tielet hija li t-trasformazzjoni tal-lum għandha twassal għall-impatti pożittivi għall-ekonomija t’għada u jkunu ta’ sostenn ekonomiku. Temm jgħid li għandu jkollna kultura ta’ titjib fl-ambjent ta’ madwarna, fl-istituzzjonijiet u s-saltna tad-dritt għaliex huma l-pilastri li jsaħħa l-ekonomija f’pajjiżna.

11:30 – Temm it-tielet parti ta’ din il-konferenza l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali, Clyde Puli.

11:43 – L-aħħar diskors fil-Konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem sar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia.